“Ħolma li saret realtà” għal Mark Schembri tas-Siġġiewi Rowing Club li rnexxielu jidħol l-ewwel fl-2024 Ocean to City 28km Endurance Regatta (l-Irlanda) f’dgħajsa tal-qdif coastal tat-Tip Olimpiku C1x. Din hija wkoll l-ewwel darba fl-istorja sportiva ta’ Malta fejn qaddief irreġistrat malti rebaħ id-deheb f’tellieqa tal-Coastal Rowing ta` din il-portata`.
Ir-Regatta “Ocean to City” hija l-aktar tiġrija presigjuza ta’ qdif fuq distanzi twal li ssir fl-Irlanda u tiġbed lejha mijiet ta’ parteċipanti li jaqdfu kontra xulxin kull sena f’tipi differenti ta’ dgħajjes. Din ir-Regatta evolviet gradwalment mill-oriġini tagħha bħala tellieqa għal dgħajjes tradizzjonali għal avveniment ta’ qdif li jħaddan minn dgħajjes tradizzjonali tax-xogħol tal-injam, currachs, skiffs, gigs u dgħajjes twal sa dgħajjes tal-Coastal Rowing kontemporanji, opri tat-tlielaq tal-oċeani, kayaks, kenuri u anke stand-up paddle boards. Jingħataw premjijiet lil kull tip ta’ dgħajsa bil-qaddief tas-Siġġiewi jispiċċa l-ewwel fil-kategorija tiegħu “C1x Single Coastal Rowing” – l-ewwel qaddief Malti li qatt kiseb riżultat bħal dan f’tiġrija ta’ qdif. Mark irnexxielu jidol il-ħames overall minn aktar minn 250 dgħajsa li kkompetew din is-sena.
Mark spjega li r-riżultat miksub ma kienx b’kumbinazzjoni iżda riżultat ta’ sigħat u sigħat ta’ taħriġ taħt il-gwida ta’ kowċis internazzjonali, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar. “Ħolma ma ssirx realtà permezz tal-maġija. Jeħtieġ għaraq, determinazzjoni u xogħol iebes.”
Il-President tal-Club tal-Qdif tas-Siġġiewi, il-Prof. Joseph N Grima faħħar il-prestazzjoni ta’ Mark u jħoss li dan huwa biss il-bidu għall-karriera internazzjonali. “Mark joħlom kbir, imma jaħdem bl-istess mod u jaf jibqa’ ffukat b’saqajh mal-art. Ix-xogħol iebes u l-attitudni pożittiva tiegħu bdew jagħtu l-frott. Ninsab ċert li Mark se jimxi l-quddiem f’dan l-isport.”
Il-parteċipazzjoni ta’ Mark f’din it-tellieqa saret possibbli permezz tal-għajnuna finanzjarja li rċieva mingħand SportMalta tramite l-iskema “International Participation”.