Fl-ewwel xahar tal-2017, l-iżbilanċ fil-Fond Konsolidat tal-Gvern naqas għal €15.9 miljun ewro, iġifieri inqas minn terz id-deficit sena qabel.
Fl-istess perjodu fl-aħħar sena sħiħa tal-amministrazzjoni preċedenti, l-iżbilanċ fil-Fond Konsolidat kien ta’ mija u disgħa u għoxrin miljun u tliet mitt elf ewro – tmien darbiet dak irreġistrat f’Jannar ta’ din is-sena.
Jikkonfermaw dan figuri uffiċjali ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, li juru kif l-andament tal-finanzi pubbliċi qed ikompli jitjieb.
Fl-istess waqt, id-dħul tal-Gvern f’Jannar ta’ din is-sena kien tnejn u ħamsin miljun ewro iktar mill-istess perjodu s-sena li għaddiet. Żieda xprunata fost oħrajn minn żieda fid-dħul tal-income tax, għalkemm din tnaqqset f’erba’ budgets wara xulxin.