Jumejn wara l-inċident tal-isplużjoni tal-logħob tan-nar fil-Mosta, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, qal li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar snin wasslu biex fil-kmamar tan-nar illum hemm inqas periklu minn qabel.
Il-Ministru Camilleri qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari, it-Tnejn wara nofsinhar.
“Anki meta titkellem ma’ dawn in-nies, ovvjament nieħdu pjaċir li ma jkunx hemm inċidenti gravi, f’sens li jweġġa’ xi ħadd jew, allaħaresqatt, imut xi ħadd. Però, minn dak li qaluli anki diversi persuni, jidher li anki d-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar snin sabiex dawn il-kmamar ikunu aktar siguri, ħallew il-frott u allura, għal grazzja ta’ Alla, ma kien hemm ħadd li tilef ħajtu f’dan l-inċident.”
Il-Ministru Camilleri rrimarka li s-Sibt wara nofsinhar il-forzi dixxiplinarji, fosthom il-membri tal-Korp tal-Pulizija, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u tal-Forzi Armati ta’ Malta. marru fuq il-post immedjatament.
Huwa spjega kif, minkejja l-periklu li kien hemm, il-Pulizija, li kienu minn tal-ewwel fuq il-post, marru jiċċekkjaw jekk hemmx nies fil-post fejn seħħet l-isplużjoni.
“L-ewwel ħaġa li jiddeterminaw mill-ewwel il-Pulizija, illi daħlu fuq il-post minkejja l-perikli li kien għad hemm sabiex jaraw illi kulħadd… jew iġibu l-informazzjoni jekk kienx hemm persuni oħrajn illi kienu f’dan is-sit u, ovvjament, meta tkellmu ma’ dawk li kienu preżenti, setgħu jikkonfermaw illi l-persuni kollha illi kienu f’dan is-sit ħarġu, sakemm ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet ulterjuri.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal li, wara li ċċekkjaw dan, ittella’ drown speċjalizzat tal-Protezzjoni Ċivili, li permezz tiegħu setgħu jaraw fejn kien għad hemm il-problemi u fejn kien hemm ir-riskji.
Fil-Parlament, il-Ministru Camilleri irrefera wkoll għall-fatt li, fil-kamra tan-nar, kien għad hemm kelb maqbud.
“Kien hemm, għad hemm fuq il-post anki – kif irrimarka persuna minn dawk li kienu ġewwa qed jaħdmu – li kien għad hemm kelb li kien marbut ma’ xi struttura tal-metall. U mbagħad ittieħdet id-deċiżjoni, wara li ġie llokalizzat permezz tad-drown u raw li, f’dik il-parti ma kienx hemm periklu żejjed, sabiex ngħidu hekk, sabiex jidħlu, imorru u jsalvaw dan il-kelb.”
Is-Sibt filgħaxija, iż-żona ġiet issiġillata għax kien ikun ta’ periklu kieku komplew jaħdmu fiha dak il-ħin. Il-ħidma kompliet l-għada, il-Ħadd.
“Hekk ġara, u issa infurmat illi l-post ovvjament għad fadal ċerti affarijiet, imma issa l-post qed jaħdmu fih sabiex jaraw li ma jkunx fih perikli.”
Fil-ħin tal-inċident fil-kamra tan-nar, li tinsab bejn il-Mosta u l-Imġarr, kien hemm ħdax-il persuna. Tliet irġiel, li għandhom 25, 29, u 60 sena rispettivament, iddaħħlu l-Isptar Mater Dei u ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
Dwar dan il-każ infetħet ukoll inkjesta maġisterjali.