F’messaġġ lin-nazzjon l-għada li fil-Qorti tressqet persuna akkużata li hija l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru tkellem dwar l-impenn tiegħu li ssir ġustizzja f’dan il-każ.
“Bħala Prim Ministru sentejn ilu wegħedtkom li se ssir ġustizzja sħiħa fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mill-ewwel mumenti rajna li l-Pulizija jkollha r-rizorsi kollha, bl-involviment sħiħ tal-Europol u servizzi internazzjonali oħra. Illum ngħidilkom li żammejt kelmti.”
F’dan il-każ mhux biss tressaq l-allegat mandant iżda hemm ukoll tliet persuni akkuzati bil-qtil. Joseph Muscat fisser kif dan seta’ jsehh biss ghax kien hemm ir-rieda li ssir gustizzja ghal dan id-delitt xokkanti.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif biex wasalna sa hawn intalbu żewġ proklami. Waħda kienet aċċettata u oħra kienet miċħuda. Dan wara pariri tal-avukat ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Fil-każ tal-allegat mandant anke l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qalet li hi kontra.
“Kont kontra għax id-deċiżjonijiet tiegħi dejjem ibbażajthom fuq li nemmen huwa sewwa, minkejja li wasalli l-messagg illi jekk ma tingħatax dik il-maħfra, kienu se jipprovaw iħammguni.
Id-deċiżjonijiet li ħadt, ħadthom dejjem għax nemmen fis-sewwa u fis-sewwa biss.”
Il-Prim Ministru tkellem kif il-ġustizzja bdiet issir u se jara li ssir sħiħa u ma’ kulhadd. Żied li l-investigazzjonijiet ma spiċċawx għax ħadd ma hu ‘il fuq mill-gustizzja.
“Kull jum fl-aħħar sentejn ġarrejt piżijiet ta’ responsabbilta’ u ta’ deċizjonijiet. Ħadt id-deċizjonijiet fl-aqwa interess li jingħalaq dan il-każ u konvint li kien hemm deċiżjonijiet tajbin u oħrajn li stajt ħadthom aħjar. Kienu mumenti li ħafna drabi kelli ngħixhom waħdi u fis-solitudni. Għax il-kariga ta’ Prim Ministru hekk titlob.”
Peró zied li t-toqol kollu tar-responsabbiltà li kellu żgur ma jisboqx it-toqol li ġġorr il-familja tal-vittma u għal darb’oħra stqarr id-dispjacir għal dak li seħħ.
“Is-sensazzjoni ta’ dwejjaq u rabja ġenwina għal dan il-qtil huma ġustifikati. U ma naċċetta lil ħadd li jagħti sinjal li jiġġustifika b’xi mod dan il-qtil. Bl-istess mod, vjolenza u diżordni bl-iskuża ta’ protesta mhumiex ġustifikati f’demokrazija.”
Il-Prim Ministru kellu kliem ta’ radd ta’ ħajr għall-hidma tal-Pulizija ta’ Malta. Nirringrazzja lill-awtoritajiet kollha, inkluz lill-Avukat Ġenerali tar-reqqa u d-diligenza li biha ħadmu u taw pariri favur dak li huwa gust.
Joseph Muscat saħaq li dan il-każ ma għandux jiddefinixxi dak kollu li huwa pajjiżna u li aħna lkoll ksibna flimkien.
“Minn għada għandna nerġgħu nibdew mexjin ‘il quddiem. Nifhem li biex dan isir hemm bżonn jingħata sinjal ċar ta’ paġna ġdida, u dan is-sinjal nista’ ntih jien biss, fejn irrid nerfa’ responsabilta’ ta’ kulħadd, anki fejn m’inix involut jien.”
Hawn Joseph Muscat insista li mhux mument ta’ partiġġjanizmu jew opportuniżmu li ħaddiehor ipprova juri f’dawn il-jiem difficli.
“Nemmen li n-nies jagħrfu min mexa tajjeb, u min mexa ħazin f’dawn il-jiem li firdu lil dawk li kienu ġenwini, minn dawk li ppruvaw jirkbu fuq il-ġenwinita’.”