Fl-aħħar xhur kellhom jittieħdu deċiżjonijiet ebsin, iżda dejjem ittieħdu favur Malta u l-Maltin.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela fl-intervista li kellu mal-Professur Andrew Azzopardi, fejn spjega kif Gvern Laburista mmexxi minnu għamel riformi u bidliet storiċi, li llum il-ġurnata qed juru lil Malta bħala pajjiż li jħaddan is-saltna tad-dritt b’serjetà.
“Dak is-setgħat li ħaddieħor f’amministrazzjoni preċedenti riedhom għalih bħala Prim Ministru, jien erħejthom. Ħatra tal-President, Prim Imħallef, il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija with a public call imbagħad il-Kummissjoni dwar is-servizz pubbliku, grilling. Dawn huma l-bidliet li għamilna f’pajjiżna bidliet li verament juru kemm aħnad Gvern konvint fit-trasparenza u l-kontabilita. Jiena verament nemmen fis-saltna tad-dritt ma bdejtx nemmen issa bdejt nemmen meta kont avukat mill-2003”
Il-Prim Ministru assigura li dak li jagħmel jagħmlu għall-ġid tal-pajjiż u tal-partit laburista u ma jħares lejn wiċċ ħadd. Hawnekk irrimarka x-xogħol eċċellenti li qed iwettaq il-Korp tal-Pulizija memxxi mill-Kummissarju Angelo Gafa.
Robert Abela faħħar ukoll il-ħidma tad-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Kurunell Alexander Dalli, li b’dixxiplina rnexxielu jikkontrolla d-droga fil-ħabs.
“Il-problema, l-ikbar pjaga li kellna fil-ħabs li kulħadd kien qata’ qalbu li xi darba nsolvuha. Illum mhux ħa ngħid eliminata kompletament imma kważi.”
Dwar il-pieni mogħtija mill-Qorti, il-Prim Ministru qal li jemmen fl-aspett li min żbalja jingħata t-tieni ċans, iżda sostna li min jagħmel ir-reati irid iħallas ukoll, għaliex inkella l-pajjiż ikollu liġi tal-ġungla. Fl-intervista Abela għamel referenza wkoll għall-vittmi f’dawn il-każijiet.
“Imma ma ninsewx il-vittmi lanqas. Min kien vittma ta’ reat irid ukoll jara illi saret sens ta’ ġustizzja miegħu ma jistax ikollok inti vittma jien naf ta’ reat sesswali u ma jiġi xejn jew jeħel b’sentenza ħafifa.”
B’rabta ma’ rapporti fil-midja dwar nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa mill-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din hija problema komuni fiż-żewġ kandidati.
“Illum qed naraw żewġ kontestanti li għandhom problema komuni fil-każ ta’ delia li ilha għaddejja mill-2017 u Grech dak li qed naqraw dalgħodu. Il-kwistjoni tat-taxxa, imma aktar minn hekk id-diffikulta finanzjaraja personali tagħhom. Għax int tmur biex tidħol fil-ħajja pubblika Kap tal-opożizzjoni meta għandek diffikultajiet finanzjarji?”
Robert Abela wera d-dispjaċir tiegħu li f’mumenti diffiċli li suppost sab l-opożizzjoni ta’ spalla mal-Gvern, sab opożizzjoni li hija mehdija biex tibdel il-kap tagħha.
Dan b’differenza għall-Gvern immexxi minnu.
“L-impenn tiegħi huwa li nibqa’ naħdem kif qiegħed nagħmel mal-bqija tal-Kabinett tiegħi f’mument bla preċedent għall-pajjiżna fejn urejna kemm aħna verament Gvern iffukat. Mhux Gvern li għamilna kollox b’mod perfett imma li żgur huwa li partikolarment minn Marzu s’issa mindu kellna l-pandemija imxejn b’mod pragmatiku tas-sitwazzjoni u kellna handling effiċjenti tas-sitwazzjoni.”
Il-Prim Ministru temm jirrimarka kemm Gvern Laburista huwa Gvern iffukat li mexa u se jibqa’ miexi b’mod tajjeb favur il-poplu Malti.