Malta qed tagħmel użu tajjeb ħafna mill-fondi Ewropej għal ċertu inizjattivi, u self għal oħrajn.
Il-pajjiż ftit li xejn għamel użu mill-Juncker Plan għax l-użu ta’ dawn il-loans m’humiex l-aħjar strument għal dawk is-setturi li jistgħu jibbenefikaw iktar minn fondi strutturali u fondi ta’ koeżjoni.
Wieħed irid jenfasizza wkoll li dawn huma loans u mhux fondi f’forma ta’ grants.
Il-Juncker Plan sar bil-għan li jagħti spinta lill-ekonomija Ewropea wara l-kriżi finanzjarja internazzjonali, iżda minkejja l-kriżi Malta rreġistrat tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-ekonomija kompliet tirreġistra tkabbir sinifikanti u rati għoljin ħafna ta’ mpjieg fl-aħħar snin, li jirriflettu l-viżjoni ċara u pożittiva ta’ Gvern li ħa d-deċiżjonijet għaqlin sabiex jistimula l-investiment, it-tkabbir ekonomiku, u l-ħolqien tal-impjiegi, li lkoll għenu l-pajjiż biex jirreġistra surplus fil-baġit.
Filfatt, ir-riżultat tal-iżvilupp pożittiv huwa rifless fil-mod kif qed nużaw il-fondi Ewropej u fl-impatt li dawn qed iħallu fuq in-negozji u l-ekonomija għal gwadann tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern jibqa’ impenjat biex ikompli jimmassimizza l-użu tal-fondi strutturali u l-fondi ta’ koeżjoni Ewropej li huma meħtieġa biex inkomplu nibnu l-inftrastruttura u niggarantixxu l-kompetittività ta’ pajjiżna, l-iżvilupp sostenibbli, u s-solidarjetà soċjali.
L-iskala ta’ operat għal proġett iffinanzjat mill-Juncker Plan flimkien mal-likwidità sinifikanti fis-sistema bankarja tagħna tillimita l-iskop ta’ ffinanzjar minn dan il-loan f’dan l-istadju f’Malta.
Barra minn hekk, il-fatt li Malta għamlet użu limitat mill-Juncker Plan mhux se jkollu ebda impatt fuq il-pożizzjoni tagħna fin-negozjati tal-MFF wara l-2020. Dan huwa ċar għal kull min għandu għarfien tekniku u maturità politika.