Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-Labour Migration Policy qed tkun diskussa f’livell ta’ eżekuttiv tal-pajjiż biex imbagħad tmur għand l-imsieħba soċjali fl-MCESD u wara anki ssir konsultazzjoni pubblika. Dan ħalli mbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet importanti favur l-interess ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru tenna dan fil-programm XTRA ippreżentat minn Saviour Balzan fuq TVM fejn spjega li miżura ewlenija se tkun li jiġu sanzjonijiet min iħaddem u jimpjega u jkeċċi ħafna ħaddiema f’salt. Qal li pajjiżna jrid jara min iħaddem biex ikompli jinvesti fil-ħaddiema tiegħu jżomm ħaddiema eżistenti fejn jidħlu dawk barranin flok iġib ġodda u pajjiżna jrid jibqa’ jara li l-aqwa opportunitajiet jeħduhom il-Maltin.
Il-Prim Ministru qal li din il-Labour Migration Policy ġejja fi sfond ta’ bidliet oħra li l-Gvern ħa u ħallew ir-riżultati fosthom ir-riforma fit-temping agencies fejn issa hemm regolar minn min iġib il-ħaddiema minn barra. Dan apparti li twaqqfu li jiġu aktar ħaddiema f’setturi li laħqu l-livell ta’ ħaddiema bħas-settur tal-Y-Plates u l-food couriers.
Mistoqsi dwar il-Baġit, il-Prim Ministru nnota kif il-Gvern preżenta pjan b’saħħtu li jagħti kwalità u jsaħħaħ il-middle-class bl-akbar tax cut fl-istorja u żieda qawwija oħra fiċ-Children’s Allowance. Innota d-differenza bejn Oppożizzjoni li meta kienet fil-Gvern għamlet l-awsterità kontra l-investiment fin-nies minn dan il-Gvern.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li l-poplu jafda Gvern Laburista fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż imma jinnota wkoll li l-Partit Laburista jrid ikompli jkun aħjar. Qal li quddiem il-prijoritajiet tan-nies fosthom it-tema tal-ħaddiema barranin, iż-żieda ta’ spazji pubbliċi u l-amministrar aħjar tat-traffiku fit-toroq, Gvern Laburista kapaċi jagħti s-soluzzjonijiet u qed jaħdem fuq dawn il-prijoritajiet. Qal li għall-kuntrarju ta’ Oppożizzjoni staġnata, il-Partit Laburista rnexxielu jirriġenera ruħu fil-Gvern fejn illum għandu wkoll żewġ Deputati Mexxejja u amministrazzjoni ġdida.
Dwar mart il-Ministru Clayton Bartolo, il-Prim Ministru tenna li kien hu li aktar minn tliet snin ilu ttermina l-impjieg tagħha u reġa’ ċċara li ma għadhiex taħdem mal-Gvern għal tliet snin, innota d-double standards tal-Oppożizzjoni. Hawn issemmew Deputati Nazzjonalisti bħal Toni Bezzina u David Agius li anki wara li nġibditilhom l-attenzjoni fuq post tax-xogħol li għandhom mal-Gvern, huma ma marrux għax-xogħol u Bezzina mar ix-xogħol biex jiġbor il-voucher biex jagħti l-fjuwil lill-karozza tiegħu għal skop privat. Qal li wieħed jistenna l-Oppożizzjoni ma tużax riga differenti f’dan ir-rigward la darba Bezzina jinstab ħati mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.