Il-Ministeru Malti għat-Trasport laqa’ b’sodisfazzjon deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea favur pajjiżna dwar ir-regola li tobbliga lill-operaturi tat-trasport jirritornaw il-vetturi tagħhom lejn l-istat membru fejn huma rreġistrati fih.
Din ir-regola Ewropea kienet qed tillimita lil kull min irid jittrasporta materjal minn pajjiż għall-ieħor u, kawża t’hekk, kienu qed jinħolqu kumplikazzjonijet loġistiċi fil-pajjiżi Ewropej, apparti spejjeż esaġerati, partikolarment fuq pajjiżi li ma jmissux mal-art prinċipali Ewropea, bħal Malta.
Pajjiżna kien nieda l-kawża fl-2020 fil-Qorti tal-Unjoni Ewropea kontra l-Kunsill u l-Parlament Ewropew għad-deċiżjoni li jintroduċu tali regola, li wkoll impattat ħażin l-ambjent minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ traġitti żejda bla bżonn.
Studju, li sar ftit tas-snin ilu f’pajjiżna mill-Gvern Malti, fil-perjodu li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet ir-regola, kien żvela li l-ispiża addizzjonali għall-operaturi kienet se tammonta għal aktar minn ħames miljun ewro fis-sena għall-ekonomija Maltija u żieda ta’ tnejn u erbgħin trakk ieħor fit-toroq.
Il-Ministru responsabbli Chris Bonett spjega, fi stqarrija, kif pajjiżna kien fuq quddiem nett biex iġġieled din l-inġustizzja, permezz tal-Mobility Package 1.
Din l-industrija hi kruċjali għal pajjiżna, għax tieħu ħsieb 77% tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-pajjiż minn u lejn l-Unjoni Ewropea.
Intqal li l-Ministeru se jkun qed janalizza bir-reqqa s-sentenza, flimkien ma’ kull min jagħmel parti mill-industrija, bil-għan li nkomplu ntejbu l-operat f’dan is-settur.