B’deċiżjoni f’waqtha tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wasslet biex sitt idjar li jinsabu biswit Wied Għomor fis-Swieqi, ma nħakmux min-nirien li ħakmu lill-istess wied nhar it-Tnejn li għadda.
Qal dan id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, li l-membrin tat-tim tiegħu, minkejja d-diffikultajiet li sabu ma’ wiċċhom, ħadmu b’tant dedikazzjoni mhux biss biex jikkontrollaw in-nirien imma anke biex isalvaw il-ħajja naturali tal-wied.
Madanakollu, it-temp ma tantx iffavorixxa din il-ħidma, għax ir-riħ beda jtajjar il-ġmamar u jqabbad postijiet oħra.
Coleiro stqarr, “Fil-każ ta’ Wied Għomor, qasam min-naħa ta’ San Ġwann għan-naħa ta’ San Ġiljan. Hemm triq, però bix-xrar u bir-riħ stess beda jaqsam minn naħa għal oħra u baqa’ għaddej, jiġifieri lanqas ikkalkula t-triq li fiha żewġ karreġġjati kważi, u kompla jaqbad, u allura anke l-pumpiera tagħna, mhux kwistjoni li jiġru wara n-nar biex jitfuh, iridu jaħsbu minn qabel fejn ħa jkun qiegħed in-nar biex jilqgħulu minn qabel biex iwaqqfuh.”
Sfida oħra għall-pumpiera kienet illi fil-wied kien hemm nies, fosthom sidien tal-għelieqi, li poġġew lilhom infushom f’riskju biex isalvaw l-annimali li kien hemm fl-għelieqi.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili qal, “Din id-darba kienet diffiċli wkoll għaliex kellna ħafna nies, jew li kienu għaddejjin mill-wied u forsi ma tawx kas, jew ma ndunawx ukoll – għax dan huwa nar veloċi ħafna – li kellna nieħdu ħsieb lilhom ukoll biex nagħtuhom struzzjonijiet ta’ fejn iridu joħorġu fejn iridu jmorru.”
L-appell huwa li, f’każijiet fejn in-nar ikollu l-possibbiltà li jinfirex malajr, il-pubbliku jitbiegħed mill-periklu.
Fil-każ ta’ nhar it-Tnejn li għadda, sidien ta’ għelieqi setgħu jxarrbu l-uċuħ tal-għelieqi tagħhom biex jillimitaw in-nar milli jkompli miexi.
Qal, “Li wieħed ixarrab u jibda jilqa’ għan-nar minn qabel, iva, però li jipprova jifti hu ħafna drabi mhux se jkollu suċċess ukoll.”
Ir-rimi tas-sigaretti barra, b’mod speċjali f’postijiet fejn ikun hemm il-ħaxix nixef, jista’ jwassal għal nirien simili. Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili qal li, fix-xhur meta t-temperatura tkun għolja, isiru aktar spissi n-nirien li jibdew minn ħaxix ħażin. Il-każijiet jiżdiedu b’aktar mid-doppju meta jibdew il-vaganzi tas-sajf.