Il-President Russu Vladimir Putin irrikonoxxa uffiċjalment iż-żewġ reġjuni fl-Ukrajna u li huma mmexxija minn separatisti.
Putin iddikjara Luhansk u Donetsk bħala reġjuni indipendenti.
Ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza l-poplu Russu f’konferenza li ġiet imxandra dirett fuq it-televiżjoni.
B’din il-mossa, Putin mar kontra dak li bdew iwissu l-pajjiżi tal-Punent, inkluż l-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen saħqet li dak li għamel Putin huwa theddid sfaċċat fuq il-liġi internazzjonali, u li jmur kontra dak mifthiem fl-2014, fil-ftehim ta’ Minsk.
Għalhekk l-Unjoni Ewropea mistennija timponi sanzjonijiet fuq ir-Russja.
Bid-deċiżjoni ta’ Putin, suldati Russi jistgħu jidħlu f’dawn iż-żewġ repjuni li ilhom snin għaddejin bil-ġlied, li intensifika fl-aħħar jiem.
Għalhekk, dan jista’ jfisser pass eqreb biex ir-Russja tinvadi l-Ukranja.
Bosta qed iqisu li dan l-attakk jista’ jkun ferm agħar mill-Gwerra l-Bierda.