Il-Qorti tal-Appell għolliet il-kumpens li għandha tirċievi tfajla Ukrena li kienet tipprattika l-ġinnastika u spiċċat paralizzata f’siġġu tar-roti wara inċident waqt party fil-Qawra lura fl-2008.
Party li l-permess applika għalih il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fl-2008 meta dakinhar is-Sindku kienet Graziella Galea, illum Deputata Parlamentari Nazzjonalista.
B’hekk issa l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jkollu jħallas iktar hekk kif hu ordnat iħallas 20 fil-mija ta’ dik is-somma, apparti spejjeż oħra legali u imgħaxijiet.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta It-Torċa fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd hekk kif innotat li sa mill-2011, il-Kunsill kien qed iħallas €3,000 fs-sena għal ħlasijiet legali. Hu stmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħa jħallas madwar kwart ta’ miljun ewro wara li kien hu li applika għall-permessi ta’ dan il-party biex isir anke jekk ma kienx l-organizzatur ewlieni.
Fil-fatt minuti ta’ laqgħa, li saret fl-21 ta’ Awwissu 2008 ftit qabel ma sar il-party, juru biċ-ċar li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, dak iż-żmien immexxi minn Graziella Galea, kellu biss jaħdem b’kollaborazzjoni biex isir dan il-party f’Ta’ Fra Ben.
Il-minuti tal-laqgħa, li jinsabu f’idejn It-Torċa, jgħidu ċar li kellu jkun hemm kollaborazzjoni, iżda l-Kunsill Lokali ħass li kellu jkun hu li japplika għall-permessi meħtieġa biex isir il-party fl-14 ta’ Settembru tal-2008.
S’issa għadu mhux ċar għalxiex, minkejja li l-minuti qalu ċar u tond il-kliem ‘kollaborazzjoni’, imbagħad kien il-Kunsill li qabad u applika hu għall-permessi.
Dakinhar tal-inċident, it-tfajla ta’ 17-il sena bl-isem ta’ Vladyslava Kravchenko sfat midruba u sofriet mal-75 fl-mija ta’ diżabilità. Fuq il-każ kienu weġġgħu aktar persuni wara li r-riħ waqqa’ apparat tad-dawl fuq in-nies.
Fl-2017, l-Imħallef Silvio Meli kien sab li kien hemm negliġenza ft-tħejjijiet ta’ dan il-party, fosthom aspetti marbutin mas-saħħa u s-sigurtà. Intqal li l-apparat ma kienx marbut sew biex jiflaħ għall-elementi naturali u xejjen għal kollox l-iskużi tar-riħ.
Fuq il-każ, id-direttur tal-kumpanija tad-dawl, Maurice Attard, kien weħel għaxar xhur ħabs, iżda l-avukati tiegħu appellaw u l-każ reġa’ mar lura biex jerġa’ jibda jinstema’.