Permezz ta’ stqarrija l-Partit Laburista qal li d-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma jieħux sehem f’kumitat tekniku, maħtur biex jevalwa l-użu tat-teknoloġija fil-proċess li għandu jwassal biex skart jinbidel f’enerġija, huwa kundanabbli.
Spjega li quddiem waħda mill-ikbar sfidi li għandu pajjiżna, dik tal-ammont kbir ta’ skart ġenerat u kif wieħed se jiddisponi minnu, il-Partit Nazzjonalista reġa’ għażel li jilgħab il-logħba politika partiġjana u joqgħod gallarija biex iżomm iċ-ċans li jibqa’ jkun negattiv dwar dan is-suġġett ukoll.
F’dan il-mument fejn qed nitkellmu dwar soluzzjonijiet ġodda l-Partit Laburista m’għandux l-għan li jħares lura u jipponta lejn in-nuqqas ta’ strateġija li kien hemm fl-imgħoddi.
Il-PL qal peró, l-inqas li wieħed stenna kien li ladarba l-gvern qed joħroġ l-id tal-ħbiberija għall-kunsens nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista kellu jilqa’ ċ-ċans li joffri s-sehem tiegħu, kif wara kollox se jagħmlu għaqdiet ambjentali u nies rispettati fis-settur.
L-istqarrija tgħid li minn wara l-elezzjoni ġenerali l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidilx. Negattiv kien u negattiv għadu, inkluż membri ġodda fi ħdan il-grupp parlamentari. Temmet tgħid li wieħed jittama li fi żmien li ġej tinbidel ir-rotta għall-ġid ta’ pajjiżna.