Id-deċiżjoni tal-Gvern li jestendi l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema u l-infieq tal-vouchers tal-mitt ewro sa l-aħħar ta’ Ottubru li ġej, kienet deċiżjoni f’waqtha li se tkompli ssaħħaħ diversi setturi u negozji f’Malta u Għawdex wara l-pandemija Covid-19.
Iddikjaraw dan diversi msieħba soċjali, fosthom l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, fejn il-President tagħha s-Sur Joe Muscat spjega kif dawn iż-żewġ miżuri pattew għall-impatt negattiv li s-settur turistika laqqat fix-xhur li għaddew.
Is-Sur Muscat stqarr, “Dawn il-vouchers mezz ieħor li kienu tassew u anke pattew għall-effetti negattivi tal-COVID fuq id-diversi setturi tat-turiżmu bħal m’huma l-akkomodazzjoni, ir-ristoranti u anke d-diving centres. Hija wkoll deċiżjoni f’waqtha illi l-wage supplement preżenti ġiet estiża għax-xahar ta’ Ottubru wkoll, għaliex din il-miżura se tkompli tgħin u twieżen lis-settur turistiku issa li se nidħlu f’perjodu tax-xitwa illu huwa diffiċli iktar mix-xhur li għaddejna.”
Din l-estenzzjoni ntlaqgħet b’mod pożittiv ferm ukoll mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, bil-President tagħha Philip Fenech jisħaq li din id-deċiżjoni se terġa’ tagħti sens ta’ stabbilità lin-negozji.
Is-Sur Fenech saħaq, “Għall-fatt li issa int għandek is-sajf li ħa ngħidu hekk spiċċa imma sfortunatament spiċċa ftit kmieni milli ħsibna allura din l-għajnuna li nkompli ntawlu l-wage supplement hija importanti biex nagħtu ċertu stabbilità lin-negozji żgħar ħa jkunu jistgħu jżommu l-impjegati tagħhom.”
L-istess reazzjoni pożittiva ġiet ukoll minn Tony Zaha president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u Ristoranti, li tenna li dawn il-miżuri mill-Gvern servew ta’ pillastri biex il-lukandi u ristoranti jibqgħu miftuħin.
“Kieku ma kienux huma kieku hawn ħafna nies illum il-ġurnata sfortunatament ma jkellhomx job… l-għajnuna fuq l-impjiegi li kienet importanti ħafna għalina li nżommu l-lukadni miftuħin u biex inżommu lin-nies jaħdmu ma’ dawn il-lukandi u ristoranti… Fuq il-vouchers suċċess kbir għen ħafna lir-ristoranti morna tajjeb ħafna.” Sostna s-Sur Zahra.
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-jum tal-Ħamis tħabbar li sa issa kważi sittin fil-mija tal-vouchers ġew użati, filwaqt li l-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’kollegament telefoniku qal li aktar minn tmenin elf ħaddiem żammew xogħlhom, dan grazzi għall-miżuri f’waqthom li ħa Gvern Laburista.