F’deċiżjoni kkomunikata dalgħodu, il-Qorti ordnat biex il-Partit Nazzjonalista jingħata żewġ siġġijiet parlamentari oħra. Skont is-sentenza tal-Qorti, li għad tista’ tkun appellata, ifisser li l-Kummissjoni Elettorali trid tiddikkjara żewġ kandidati tal-PN eletti.
Fi stqarrija l-Gvern qal li ħa nota tas-sentenza mogħtija llum mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar in-numru ta’ siġġijiet li għandha jkollha l-Oppożizzjoni wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali li saret taħt amministrazzjoni preċedenti.
Fi stqarrija ntqal li “l-Gvern ma jaqbilx ma’ din is-sentenza, anke għal raġunijiet kostituzzjonali, u għalhekk se jkun qed jappella.”
Kien wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista ressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex tordna lill-Kummissjoni Elettorali terġa tibda mill-ġdid l-għadd tal-voti fuq it-tmien u t-tlettax-il distrett elettorarli għax fi kliemhom kien hemm żball fl-għadd tal-voti.
Peró wara deċiżjoni favur il-PN, il-Qorti tal-Appell kienet annullat id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li tordna li l-Partit Nazzjonalista jingħata żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament u ddeċidiet li l-każ jerġa’ jibda jinstema’ mill-bidu nett, għax il-Partit Laburista kellu jkun inkluż fil-każ mill-bidu nett.
Il-Partit Nazzjonalista argumenta li l-Kummissjoni Elettorali kienet ħadet żbalji fil-proċess tal-għadd tal-voti fid-distretti msemmija biex id-differezna bejn l-għadd ta’ deputati fil-Parlament żdiedet minn sebgħa għal disa’ siġġijiet.
F’każ li l-Partit Laburista ma jappellax mid-deċiżjoni tal-Qorti, in-numru ta’ deputati paralmentari għall-Oppożizzjoni jitla’ minn 29 għal 31. Mill-banda l-oħra, in-numru ta’ deputati għan-naħa tal-Gvern jibqa’ l-istess, jiġifieri 38 deputat.