Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jieħu deċiżjoni dwar jekk jiddixiplinax lil Edwin Vassallo wara nhar l-Erbgħa meta fil-Parlament jittieħed il-vot dwar fi stadju tat-tielet qari dwar il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ. Filwaqt li deputat wara ieħor tal-Partit Nazzjonalista tkellmu kontra din il-liġi fis-sessjoni plenarja tal-parlament, fil-vot ittieħdet deċiżjoni ta’ konvenjenza politika u vvotaw favur. Kien biss Edwin Vassallo li ftit wara li Simon Busuttil qal li mhemmx vot ħieles qam fil-parlament u żamm sod ma’ dak li tkellem dwar u vvota kontra. Mat-Times of Malta kelliem għall-Partit Nazzjonalista ikkonferma li d-deputat mar kontra l-whip tal-partit u din hi xi ħaġa li se tkun ikkunsidrata wara l-vot ta’ nhar l-Erbgħa.
Fl-istess ħin The Malta Independent irrapportat li issa Edwin Vassallo mistenni jivvota favur fi stadju tat-tielet qari għaliex skont sorsi mill-Partit Nazzjonalista għal Vassallo l-importanti li rreġistra l-oppożizzjoni tiegħu f’wieħed mill-voti li ttieħdu. Dan il-vot ħoloq dwejjaq kbar fil-Partit Nazzjonalista u saħansitra deputati tal-istess partit għamluha ċara li kienu jippreferu vot ħieles. Dan mhux biss f’laqgħat imqanqla tal-grupp parlamentari iżda wkoll fil-Parlament bi Claudio Grech ikun fost l-iktar li għamlu ċar dan il-ħsieb. Deputat oħra tkellmu b’mod distruttiv.
David Agius qal li l-liġi tneħħi mothers day, Clyde Puli qal li l-liġi hi komunista u Herman Schiavone ddikjara li tgħid x’tgħid il-liġi għalih iż-żwieġ hu biss bejn mara u raġel. Biex idgħajfu l-liġi r-rapprezentanti tal-Partit Nazzjonalista għamlu numru ta’ emendi fi stadju ta’ kumitat, li iżda ma kienux aċċettati mill-gvern.