Il-President Franċiż, Emanuel Macron qal lill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li fi tmiem din il-ġimgħa, l-Unjoni Ewropea se tiddeċiedi jekk il ftehim dwar Brexit hux se jkun possibbli.
Il-President Macron qal li t-taħdidiet għandhom jipproċedu b’pass mgħaġġel jekk il-ftehim jirrispetta l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Ingliż wieġeb li l-Unjoni Ewropea ma għandix taħseb illi se jkun hemm dewmien ieħor lilhinn mill-31 ta’ Ottubru dwar Brexit. Minkejja l-istqarrija ta’ Johnson, il-liġi tgħid illi l-Prim Ministru jkollu jitlob għal estensjoni jekk ma jintlaħaqx ftehim sad-19 ta’ Ottubru li ġej.
Boris Johnson qal lil Macron li jemmen li jista’ jintleħaq ftehim, iżda l-Unjoni Ewropea trid taqbel mal-kompromessi mir-Renju Unit. L-arranġamenti għall-prevenzjoni tal-fruntiera mal-Irlanda qed ikun punt kruċjali, bl-Unjoni Ewropea qed titlob għal bidliet fundamentali fl-aħħar proposti li għamel ir-Renju Unit. Iż-żewġ partijiet qed jippruvaw isibu kompromess qabel ma jiltaqgħu il-mexxejja Ewropej fis-summit li se jitlaqqa’ fis-17 u t-18 ta’ Ottubru li ġej.