Il-bieraħ ħadt nifs ta’ mistrieħ meta smajt lill-Prim Ministru jgħid li ma jħossux komdu jagħti aktar art verġni lill-Freeport biex ikabbar l-operat tiegħu, speċjalment art li tkun viċin ir-residenti.
Mhux faċli li tieħu deċiżjoni simili iżda issa intqalet iswed fuq l-abjad. Madanakollu l-Prim Ministru ma waqafx ma dik id-deċiżjoni, anzi, Joseph Muscat offra alternattiva oħra sabiex jiġi żgurat li l-Freeport ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi tiegħu u tal-pajjiż u fl-istess ħin bl-inqas inkonvenjent għar-residenti. Il-kunċett li Malta ssir hub loġistiku ilha miktuba fuq il-ħajt u għalhekk il-Gvern irrisponda billi identifika sit fiż-żona ta’ Ħal Far li se tkun qed tintuża bħala ċentru loġisitiku.
Hemm bżonn li f’dan il-pajjiż nibdew nidraw nimmassimizzaw ir-riżorsi tagħna. Meta ngħid riżorsi ma jfissirx li nieqfu mal-ħsieb tal-produttivita’ li jista’ jikkontribwixxi l-ħaddiem. L-industrija trid tħares ukoll lejn l-effiċjenza tal-operat u l-aħjar użu tas-sit industrijali.
Ma nistgħux nibqgħu nibilgħu l-art bl-iskuża tal-iżvilupp ekonomiku. Irridu ngħarfu li l-pajjiż huwa limitat fid-daqs, u mhux faċli li tibqa’ tnaqqar minn ġewwa. Apparti miżuri interni, l-industriji l-kbar flimkien mal-Gvern għandhom jibdew iħarsu bis-serjeta’ lejn possibiltajiet ta’ riklamazzjoni tal-art.
Għalkemm dan jirrikjedi nefqa kapitali kbira, l-investiment ma jistax jibqa’ jkun ibbażat fuq pjanijiet short-term sabiex iħallu l-profitti mill-lum għal- għada. Ħafna drabi, dan it-tip t’investment jispiċċa jissarraf f’inkonvenjent ferm akbar għar-residenti tal-madwar.
Din mhix battalja kontra t-tkabbir tal-Freeport jew kwalunkwe industrija oħra. Din hija battalja ta’ raġunament li ma nistgħux nibqgħu inġibu l-interessi tal-industrija qabel d-dritt t’għixien diċenti għar-residenti. Irid ikun hemm bilanċ li jirrikjedi sagrificcji ġusti miż-zewġ naħat.