Deċisiv, b’qalb soċjali u dejjem fost in-nies. Kienu dawn uħud mill-aġġettivi li ntużaw minn numru ta’ opinjonisti biex jiddeskrivu lil Robert Abela, erba’ snin mindu nħatar id-disa’ Mexxej mill-membri tal-Partit Laburista.
Wara l-votazzjoni u l-għadd tal-voti dakinhar tal-ħdax ta’ Jannar tal-2020, ir-riżultat kien tħabbar matul il-lejl.
F’dawn l-erba’ snin, il-Mexxej Laburista m’għaddiex jum fejn fihom ma kellux jieħu deċiżjonijiet mill-aktar kruċjali u diffiċli biex iħares lil pajjiżna u ġensna.
Dan quddiem numru ta’ sfidi dinjin li feġġew u li affettwaw lil pajjiżna bħal kull pajjiż ieħor dinji. Sfidi li madankollu komplew jikkonfermaw kemm it-tmexxija tal-Partit Laburista u fl-aħħar mill-aħħar ta’ pajjiżna, jinsabu f’idejn tajba.
Fil-fatt, mal-mikrofonu ta’ ONE News, l-opinjonista u trejdunjonista Jesmond Marshall rrimarka proprju dan l-aspett tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’mumenti mill-aktar delikati f’pajjiżna.
“Minn ġurnata għall-oħra kienet dejjem kriżi wara oħra u l-pajjiż għadu għaddej u lbieraħ insiru nafu li l-Moody’s qed tgħid li għalkemm l-pajjiż se jibqa’ jissussidja d-dawl, sa ċertu punt, id-defiċit tal-pajjiż qiegħed jonqos. Jiġifieri ma naħsibx li tista’ tgħid aktar minn dawn l-affarijiet. Jiġifieri jekk kien hemm xi ħaġa li ma tistax tgħid fuq il-Prim Ministru hu li kellu ħajja faċli, imma rnexxielu l-ostakli jegħlibhom.”
Tkellmet ma’ ONE News ukoll l-opinjonista Dr Paula Cauchi hekk kif irrimarkat li, minkejja dawn l-isfidi, Robert Abela baqa’ jagħti prijorità lill-politika soċjali ta’ pajjiżna.
“Qed nitkellmu fuq riformi li jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj, il-ġustizzja soċjali nemmen ta’ dan il-partit kienet dak li mbottat biex Robert Abela u t-tim tiegħu taw prijorità l-oqsma soċjali. Insemmi fost oħrajn iż-żieda fil-paga minima, l-aġġustament tal-COLA, riformi li kienu aktar tekniċi u li forsi kulħadd beża’ minnhom bħar-riforma tal-kirjiet, li dawn kienu problemi kbar li kulħadd kien qed iħosshom, kien qed jibża’ minnhom u ħadd ma indirizzahom, imma f’dawn l-erba’ snin, minkejja l-affarijiet kollha li kellhom jiġu indirizzati, dan il-Gvern sab soluzzjoni għalihom ukoll.”
Cauchi rrimarkat ukoll l-aspett uman tal-Mexxej Laburista. Dan hekk kif erba’ snin mindu daħal għal din il-kariga ta’ responsabbiltà kbira, xorta waħda, baqa’ jterraq it-toroq Maltin u Għawdxin, filwaqt li jidħol fid-djar tan-nies.
Dan biex jisma’ u jifhem ir-realtajiet tal-poplu biex b’hekk anke l-politika tal-Gvern titfassal fuq dak li verament jolqot lin-nies.
“Jisma’ lin-nies u li jibqa’ fost in-nies u jien ċerta li meta jkollok Mexxej li ta’ sikwit idur in-nies u jkellimhom u jara x’inhu jdejjaqhom dik naħseb hi waħda mill-akbar raġunijiet li tkun xprunat din il-passjoni biex ikunu indirizzati numru ta’ sfidi li jolqtu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.”