“Fil-kwistjoni tal-inkjesta maġisterjali versus inkjesta pubblika, l-aktar mod li naħseb nista’ niddistingwihom, f’lingwaġġ li jinftiehem minn kulħadd, hu li inkjesta maġisterjali għandek bżonnha meta qed titlob ġustizzja u inkjesta pubblika għandek bżonnha meta qed titlob sodisfazzjon”.
Kien b’dan il-mod li, f’post fuq Facebook, l-Avukata Deborah Schembri bdiet tikkummenta dwar il-kwistjoni attwali ta’ Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ li miet f’Diċembru li għadda, u jekk għandhiex issir inkjesta pubblika, apparti dik maġisterjali li għaddejja bħalissa.
L-eks Segretarju Parlamentari tenniet li nkunu qed nagħmlu żball kbir u inġustizzja gravi mal-vittma jekk ma nagħtux l-importanza meħtieġa lill-inkjesti maġisterjali u nistrieħu fuq l-inkjesti pubbliċi, li fl-aħħar mill-aħħar ma jwasslu biex l-ebda proxxmu, ħati kemm jista’ jkun ħati, jitressaq quddiem il-ġustizzja.
Hi tenniet li s-soċjetà timxi bir-regoli, bil-liġijiet u bil-ġustizzja u għalhekk aħjar naraw li l-inkjesti maġisterjali jkunu magħmulin f’ħin raġjonevoli, b’mod trasparenti u bl-għajnuna ta’ nies verament esperti f’xogħolhom.
Waqt li qalet li għandna naħsbu ftit għalxiex għandna nagħmlu inkjesti pubbliċi f’ċerti każi u mhux f’oħrajn, bħallikieku mhux kull ħajja hi ugwalment importanti, Dr Schembri saħqet li “għaldaqstant, mingħajr ma nneħħi mill-importanza li wieħed jieħu sodisfazzjon, naħseb li l-ewwel irridu naraw li jkollna sistema li tittratta lil kulħadd l-istess, li tagħti dinjità lil kull vittma u li timxi fuq kriterji stabbiliti”.
Il-kwistjoni ġiet ittrattata wkoll fil-gazzetta It-Torċa fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd fejn analizzat kif ħafna qed jistaqsu dwar il-każ, waqt li oħrajn rikbu fuq il-miżinformazzjoni bla skrupli li nxterdet.
Il-gazzetta tal-General Workers’ Union qalet kif esperti legali spjegaw fl-aħħar jiem dwar is-setgħat enormi li għandha inkjesta maġisterjali – setgħat li entitajiet oħrajn m’għandhomx – biex jinħarġu l-akkużi kontra kull min seta’ kien involut u jiffaċċja l-ġustizzja.
It-Torċa semmiet kif il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar ħafna fi kliemu meta stqarr li se jara li min għandu mqar farka ta’ responsabbiltà xi jġorr, iġorrha, u jekk l-investigazzjoni tal-Maġistrat inkwirenti Marsanne Farrugia ma tidħolx fuq allegazzjonijiet li jmorru lura għal qabel seħħet it-traġedja, allura jsiru investigazzjonijiet ulterjuri.
Dwan dan appellat ukoll il-gazzetta KullĦadd li, fl-editorjal tagħha, qalet li hi biss is-saħħa ta’ inkjesta maġisterjali li, b’reqqa, iżda b’effiċjenza, kapaċi tmexxi x-xogħol li għandu jsir biex il-familja ta’ Sofia ma jibqax ikollha d-dubji quddiem il-proċess tal-ġustizzja.
“B’hekk intennu li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja trid tagħti t-tweġibiet, għax il-ġustizzja ma tistax tħalli d-dubji”, qalet il-KullĦadd.