Kull jum li jgħaddi donnu qed ikun hemm deputat ġdid tal-Partit Nazzjonalista li jgħid li jrid li jibqa’ jmexxi lill-partit dak li kiseb l-ikbar telfa elettorali fl-istorja; Simon Busuttil.
Issa ngħaqad ma’ dan l-appell Jean Pierre Debono. Debono huwa deputat ġdid fuq is-seba’ distrett elettorali li fil-Partit Nazzjonalista hu veteran għax għal snin twal serva bħala Assistent Segretarju Ġenerali. Fuq facebook Jean Pierre Debon kiteb: “Simon Busuttil għandu jibqa’ l-Kap tal-PN.”
Żied jgħid li “din hi l-għajta fuq fomm kulħadd. Appoġġ sħiħ lil Simon Busuttil fit-tmexxija tal-PN.” “Grazzi Kap,” tenna Jean Pierre Debono.
Fl-aħħar jiem iddikjara l-istess Robert Arrigo li qal li meta kien fil-futbol u tilef il-league ma telaqx mill-ewwel. Anke Claudette Buttigieg qalet li trid lil Simon Busuttil jibqa’ kap għax fi kliemha mhemmx min joħodlu postu. Buttigieg tenniet li t-telfa elettorali ma kinetx tort tiegħu.
Simon Busuttil qal li mhux se jerġa’ jikkontesta għall-Kap l-għada li sar magħruf ir-riżultat. Deċiżjoni li ma ħadiex mill-ewwel u wara li kienet sfurzata wkoll għax Mario De Marco, wieħed mill-viċi-kapijiet qal li hu kien se jitlaq.