Id-Deputat Nazzjonalista Jean-Pierre Debono ftiehem mal-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li jekk kemm-il darba Delia jinħatar kap tal-Partit Nazzjonalista, Debono jċedilu s-siġġu Parlamentari. Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd dalgħodu li nnotat kif Debono kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-aħħar elezzjoni ġenerali mis-seba’ distrett elettorali.
Wara li diġà kien issagrifika l-kandidatura tiegħu fl-2013 għal dawk il-ftit li semgħu b’dan l-arranġament fil-Partit Nazzjonalista, dan il-ftehim seta’ deher sorpriża. Dan sakemm sar magħruf li bħala parti minn dan il-ftehim hemm arranġament li jekk Delia jirbaħ, Kristy Debono, mart Jean-Pierre Debono, issir viċi kap għall-affarijiet tal-Parlament.
Fil-fatt, Debono hija interessata b’saħħa fil-kariga li sal-lum jokkupa Mario De Marco. Il-koppja Debono qed tappoġġja bis-sħiħ lil Delia, u Jean-Pierre Debono, li l-kariga ta’ assistent segretarju ġenerali qabditu sew mal-għeruq, qed jgħin lil Delia b’kull mod li jista’.
Nies qrib Chris Said huma rrabjati li nies qrib il-koppja Debono qed ixerrdu l-kelma li meta kien segretarju ġenerali, l-Għawdxi ġġieled ma’ ħafna nies.