L-ex deputat Laburista Joe Debono Grech ma nstabx ħati li f’Settembru li għadda hedded bi kliem uffiċjal tal-pulizija f’Għawdex.
Il-każ seħħ meta s-Sur Debono Grech li huwa direttur tal-kmpanija Gozo Channel mar jagħmel rapport l-għassa tal-pulizija biex jirrapporta sid ta’ trakk li kien qed jimblokka madwar erbgħin vettura li kienu qed jistennew biex jitilgħu fuq vapur tal-Gozo Channel.
Fil-qorti ngħad li s-Sur Debono Grech ma deherx kuntent bil-mod kif ġie ttrattat l-ilment tiegħu u għadda skambju ta’ kliem mal-pulizija preżenti li ma jidhirx li kien jaf lill-persuna li kienet qed tagħmel l-ilment u r-rwol li kellu.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li meta tesprimi nuqqas ta’ qbil ma’ Uffiċjal tal-pulizija għa tħoss li mhux korrett fid-deċiżjoni tiegħu u li tkun se tirrapportah ma-superjuri tiegħu, mhix forma ta’ theddid.
“Allaħres kien hekk għax dan ikun ifisser li ħadd f’awtorità ma jkun kontabbli għal għemilu mas-superjuri tiegħu,”qalet il-qorti.
Il-Qorti qalet li wara li rat il-provi u l-affidavit tal-kuntistabbli Scicluna ma jirriżultax li Debono Grech heddu kif kien qed jiġi akkużat mill-pulizija.
Il-Qorti qalet li l-imputat inzerta persuna li meta jara l-kuntrarju jieħu passi u kif intqal mid-difiża l-ħidma tiegħu qalb in-nies għamilha biex jagħti servizz.
Qalet li f’dan il-każ bħala Diretturi tal-Gozo Channel ħass li kien hemm abbuż meta vettura kienet qiegħda timblokka r-rampa, liema vettura kellha sistema tal-brejkijiet ma jaħdmux sewwa u mar jirraporta l-każ.
Il-Qorti saħqet li l-ufficjali tal-pulizija jridu jagħtu aktar widen liċ-ċittadini huma min huma meta jersqu għandhom biex jitolbu l-għajnuna jew inkella biex jirraportaw abbuż.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ma sabitx lil Debono Grech ħati u lliberatu mill-akkuża.
Intant fis-sentenza tagħha l-Qorti nnotat li s-Sur Debono Grech talab li l-kawża tiġi deċiża fuq il-mertu tagħha u mhux jinħeles fuq punt proċedurali. Dan wara li t-taħrika tal-pulizija la kien fiha data, ħin u l-anqas f’liema qorti kellu jidher l-akkużat.