“L-aktar ħaġa faċli fil-ħajja hija li ninjoraw l-eżistenza ta’ bidla u rrid ngħid li l-partit li jiena kburi li nifforma parti minnu ukoll forsi ħass dan it-toqol. U dawn it-toroq fil-passat żammewna lura milli ngħixu b’pass aktar determinat u mgħaġġel sabiex ngħarfu din il-bidla.
“Ta’ dan, jien irrid nitlob skuża!”
Kliem id-deputat kap tal-oppożizzjoni Mario de Marco il-bieraħ fil-parlament waqt id-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u liġijiet oħrajn.
Huwa għamel apoloġija għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista, fil-passat, naqas li jifhem sew u jirrispetta l-ħtiġijiet tal-komunità LGBTQI iżda dan l-abbozz juri kemm hu bżonjuż li jinbidlu l-liġijiet biex jirriflettu l-bidliet soċjali.
Huwa wissa lil dawk li huma mħassba li l-liġi tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-partit, billi qalilhom li qed jinsew li l-politika Demo-Krisjana hija msejsa fuq id-dritt talż’ kull individwu, drittijiet li jridu jiġu rispettati minn kulħadd.
Aktar qabel qal li waqt li l-astensjoni dwar l-abbozz dwar l-unjoni ċivili kienet l-aktar ġurnata iebsa fil-karriera politika tiegħu, li llum jivvota favur iż-żwieġ bejn iż-żewġ sessi se tkun waħda mill-aktar faċli li jagħmel dan.