L-eks Kelliem għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco, iddistakka ruħu għal kollox u tefa’ fuq ta’ warajh it-tgħaffiġa tal-istess Partit b’rabta mal-Pre-Budget Document jew aħjar in-nuqqas tiegħu.
De Marco għamel dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Hu ġie mistoqsi dwar din il-materja wara li din is-sena l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lanqas indenjat toħroġ id-dokument tagħha ta’ qabel il-Baġit u minflok irrikorriet għal erba’ slides li lanqas id-deputati tagħha ma kienu jafu x’fihom.
Fil-fatt, l-eks Kelliem tal-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista, farfarha fuq is-suċċessur tiegħu, Jerome Caruana Cilia, meta mistoqsi jekk qabilx li ma ġiex ippubblikat il-Pre-Budget Document.
Ġurnalist: “Int kont il-bniedem li f’isem il-PN ppubblikajt diversi Pre-Budget Documents, qbilt li din is-sena ma jsirx Pre Budget Document?”
Mario De Marco: “Hija deċiżjoni li wieħed għandu jirrispetta ta’ kull shadow minister li jkun hemm.”
Hu fatt magħruf ukoll li dan in-nuqqas mill-PN b’rabta mal-Baġit ma niżel xejn tajjeb mal-eks Kelliem tal-Finanzi li, fi żmienu, dejjem kien jippubblika Pre-Budget Document, għax skontu juri kemm bih, il-PN hu Gvern alternattiv.
Fil-fatt, fl-aħħar Pre-Budget Document, li nieda f’isem il-Partit Nazzjonalista, Mario de Marco sostna l-importanza ta’ dan id-dokument.
“L-Oppożizzjoni m’għandhiex biss tkun Oppożizzjoni reattiva għall-Baġit, iżda ridna Oppożizzjoni bħalkom korpi kostitwiti, bħalkom imsieħba soċjali, li tkun proattiva, billi nagħtu l-ideat tagħna għall-Baġit, qabel il-Baġit u mhux unikament wara l-Baġit, bi kritika għall-istess Baġit.
Mario De Marco – Deputat tal-PN
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali sostnew ukoll kif din ir-reazzjoni ta’ Mario De Marco, b’rabta man-nuqqas tal-PN li joħroġ Pre-Budget Document, mhijiex sorpriża.
Dan speċjalment wara li kien tħalla barra mix-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech, tant li kien hemm bżonn deputati oħrajn mill-establishment jiġbdu l-ispag tal-Kap biex jerġa’ jiddaħħal.
Fosthom kien hemm id-Deputat li, fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ħamis, kien bil-qegħda maġenbu, Beppe Fenech Adami, li fuq ir-radju tal-Knisja kien ordna li din id-deċiżjoni tiġi rrimedjata minn Bernard Grech.
“Naħseb deċiżjoni żbaljata u nittama li dik il-ħaġa tiġi rranġata. Jien naħseb li kien żball li lil dawn it-tliet persuni m’għamilhomx kelliema u ma tahomx dekasteru. Naturalment, kien hemm loġika, però naħseb li hu żball li aħna nipprovaw fil-politika tagħna ma nipproteġux u ma niftaħrux bil-legat tal-PN.”
Beppe Fenech Adami – Deputat tal-PN
Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat wara, hekk kien ġara u Mario De Marco sab postu lura fix-Shadow Cabinet Nazzjonalista.