Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco, ikkontradixxa dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta implika li taħ għażla bejn li jirriżenja mill-kariga tiegħu jew jieqaf iservi ta’ konsulent legali tad-DB Group.
Mal-ġurnalisti, nhar it-Tnejn, Simon Busuttil qal li ta ultimatum lil De Marco dwar din l-għażla.
Iżda, De Marco qal: “Jien nista’ nikkonferma li la saret din il-laqgħa u lanqas din it-talba. Fil-fatt kont jien li nfurmajt lil Simon li d-ditta legali tiegħi kienet lesta ċċedi x-xogħol tagħha b’rabta mal-proġett jekk kien hemm kunflitt jew qed toħloq problema għall-partit.”
Dawn il-kummenti Mario De Marco għamilhom mal-maltatoday fejn ikkonferma wkoll li Simon Busuttil kien ilu jaf bis-sehem tad-ditta legali tiegħu fuq il-proġett li se jsir fis-sit tal-ITS b’investiment ta’ tliet mitt miljun ewro.
Saħansitra qal li meta l-proġett kien diskuss internament fil-partit hu ma ħax sehem biex id-diskussjoni tkun mill-iktar ħielsa. De Marco m’attendiex l-anqas il-laqgħa fejn Silvio Debono preżenta l-proġett lil Simon Busuttil.