Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco rrappreżenta l-konsorzju li rebaħ il-kuntratt għall-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul u li issa hu stess, flimkien mal-Kap tiegħu Adrian Delia, qed jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestigah. De Marco saħansitra ddefenda u rebaħ iż-żewġ appelli li saru f’dan it-tender pubbliku f’isem il-konsorzju rebbieħ. Fatt li l-Eks Viċi Kap Nazzjonalista lanqas kellu d-diċenza li jiddikjarah waqt li għamel it-talba għal investigazzjoni.
Il-talba tal-PN, li saret 24 siegħa wara li l-Gvern kien diġà laqa’ l-istess talba li saret mill-Partit Demokratiku bla ebda diffikultà, issegwi attakk iżolat mill-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Camilleri bi stejjer skorretti fejn ivvinta li l-investituri bbenefikaw minn kuntratt mogħti b’direct order bi ksur tal-liġijiet finanzjarji. Allegazzjoni, li bħala l-avukat tal-istess investituri, de Marco jaf li ma kienx il-każ anke bis-sentenza ċara tal-Qorti li llum se nirrappurtaw dikjarazzjonijiet minnha.
Aparti de Marco bħala avukat, il-perit tal-estensjoni f’San Vinċenz de Paul mhuwa ħadd ħlief l-Eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino li fl-aħħar elezzjoni ġenerali baqa’ l-art biex minfloku telgħet Marlene Farrugia. U huwa proprju l-Partit Demokratiku ta’ Farrugia li issa qed jallega ksur tar-regolamenti f’dan il-proġett.
Iktar minn hekk, fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ammetta mat-Times of Malta li ltaqa’ mal-investituri li spjegawlu d-dettalji kollha ta’ kif imxew l-affarijiet. F’daqqa waħda, l-istqarrija tal-PN qed titlob informazzjoni li diġà għandhom il-Kap stess, id-Deputat Mario de Marco u l-Eks Deputat George Pullicino u li jafu fid-dettall.
De Marco konvint minn dan l-investiment
Kien fl-10 ta’ Novembru 2015 li d-Dipartiment tal-Kuntratti ħareġ tender pubbliku, kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew, għal proviżjoni ta’ servizzi komprensivi fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Id-dokument għamilha ċara mill-ewwel li l-ħtieġa kienet għal kċina ġdida u servizzi ta’ catering kif ukoll għal investiment addizzjonali li jkun tat-tip kompatibbli ma’ San Vinċenz.
It-tender għalaq fis-7 ta’ Jannar 2016 u kien hemm żewġ offerti b’investimenti addizzjonali differenti – wieħed offra s-sodod f’residenza tad-diżabilità f’Ħal Qormi u l-ieħor ippropona estensjoni għar-Residenza San Vinċenz. Id-Dipartiment tal-Kuntratti għażel tal-aħħar.
Fit-3 ta’ Ġunju 2016, il-konsorzju tellief – CCE Joint Venture – appella mid-deċiżjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni għall-Kuntratti Pubbliċi. Is-smigħ kien appuntat għat-23 ta’ Awwissu 2016 u dik kienet l-ewwel darba li l-Avukat Mario de Marco, flimkien ma’ Dr Ronald Aquilina, tela’ personalment biex jiddefendi dan il-kuntratt.
CCE Joint Venture ressqet sitt ilmenti ewlenin fosthom argumentat li, filwaqt li t-tender kien ċar f’dak li qed jitlob, il-mod kif għandu jingħata dak mitlub ma kienx speċifikat. Il-konsorzju tellief allega wkoll li l-bord ta’ evalwazzjoni injora dettalji tal-offerta tiegħu.
Wara li sema’ l-pożizzjonijiet kollha, il-Bord ta’ Reviżjoni għall-Kuntratti Pubbliċi ta d-deċiżjoni tiegħu fl-20 ta’ Settembru 2016, u ma ħalla ebda dubju. Sab li ma kien hemm ebda evidenza konkreta tal-allegazzjonijiet, u li ebda mis-sitt ilmenti ma kienu ġġustifikati. Is-sentenza tgħid li l-għoti tal-kuntratt ġie deċiż abbażi ta’ raġunijiet tekniċi affidabbli u b’saħħithom.
Iżda, CCE Joint Venture għamlet appell ieħor, din id-darba quddiem il-Qorti tal-Appell. Waqt seduta fl-14 ta’ Frar 2017, għal darb’oħra, f’isem il-konsorzju rebbieħ, deher id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco.
U d-difiża tal-Avukat de Marco reġgħet ħalliet il-frott. Il-Qorti, ippreseduta mill-Prim Imħallef ta’ dak iż-żmien Silvio Camilleri, u mill-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph Azzopardi, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni għall-Kuntratti Pubbliċi u għalhekk l-għażla oriġinali li kien għamel id-Dipartiment tal-Kuntratti.
L-appelli ntrebħu mill-istess de Marco biex kienet ikkonfermata l-għażla li kien għamel bi trasparenza sħiħa d-Dipartiment tal-Kuntratti.
Il-Qorti ċara fid-deċiżjoni tagħha
Hekk kif iddikjarat li xogħolha kien li tara jekk il-kumitat evalwattiv segwiex il-kriterji stabbiliti u jekk mexiex mal-parametri indikati fis-sejħa pubblika għall-offerti, il-Qorti qalet li “trattat l-ilmenti b’mod individwali, u tara li dawn mhumiex mistħoqqa”.
It-tliet imħallfin sostnew li “l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien raġonevoli fil-ġudizzju tiegħu, u kellu raġunijiet validi biex ma jassenjax marki massimi lill-konsorzju appellant.” L-awtoritajiet governattivi ħallew f’idejn kull offerent biex joffri l-pakkett tekniku skont ir-riżorsi tiegħu. Jekk dan il-pakkett hu nieqes f’ċerti dettalji, il-kumitat tal-għażla ma jistax jiġi mċanfar għax sab li l-pakkett kien nieqes mid-dettall.
Il-Qorti kkonkludiet li “dak li hu importanti hu li l-offerti jiġu evalwati bl-istess metodu u ħsieb, u mhux każ jiġi trattat mod u każ ieħor b’aktar leġġerezza. F’dan il-każ, ma jidhirx li sar xi ħaġa hekk u l-offerti ġew trattati bl-istess mod u bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza.”
Għalhekk, fit-tieni appell ukoll, ma kien hemm ebda dubju li l-ilmenti tal-konsorzju tellief ma kinux ġustifikati.
Mill-ġdid, qasma fil-PN
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista, li żvelaw magħna dawn id-dettalji, ma setgħux jemmnu li kien proprju Mario de Marco wieħed mid-deputati Nazzjonalisti li s-Sibt waranofsinhar ħarġu stqarrija biex jitfgħu dubju fuq il-kuntratt għall-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz.
Is-sorsi stqarrew magħna li hija ipokrisija li, fl-istess waqt li fil-pubbliku issa qed jitlob li tiġi ċċarata u kjarifikata l-proċedura li l-Gvern uża f’dan il-proċess, de Marco kien hu stess fil-privat qed jitħallas bħala avukat tal-konsorzju li rebaħ il-kuntratt. Għalhekk de Marco iktar minn kulħadd diġà jaf id-dettalji kollha li, għall-konvenjenza politika, taparsi qiegħed jitlob.
L-istess sorsi qalulna li hemm ħafna min jemmen li l-interessi kummerċjali ta’ de Marco mhumiex iktar sostenibbli jekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikun kredibbli fuq temi bħal dawn. Fakkruna fil-każ klassiku ta’ meta l-Oppożizzjoni ħarġet tattakka lill-grupp DB għall-investiment tagħha fis-sit tal-ITS, biex imbagħad sar magħruf li de Marco huwa r-rappreżentant tagħhom. U, quddiem attakki ma jaqtgħu xejn, spiċċat tinkixef l-aħbar li l-istess DB kienu qed iħallsu l-pagi ta’ uffiċjali għolja tal-Partit Nazzjonalista.
Apparti de Marco bħala avukat, il-perit tal-estensjoni f’San Vinċenz de Paul huwa l-Eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino li fl-aħħar elezzjoni ġenerali tilef postu fil-Parlament u minfloku telgħet Marlene Farrugia. Dan wara li Simon Busuttil iddeċieda li l-Partit Demokratiku għandu jingħaqad f’koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista u joħroġ fuq l-istess lista ta’ kandidati.
Kien proprju s-sieħeb ta’ Marlene Farrugia, Godfrey, li l-Ġimgħa talab li l-proġett iddisinjat minn George Pullicino jiġi skrutinizzat mill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi. Talba li l-Gvern laqa’ mingħajr ebda problema għaliex huwa ċar li kollox mexa mal-proċeduri u r-regoli stabbiliti. Is-Sibt imbagħad stenbaħ il-Partit Nazzjonalista u talab dak li kien diġà ġie milqugħ 24 siegħa qabel.
Proġett siewi għall-anzjani
Lil hinn mill-attakki tal-Partit Nazzjonalista, u l-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Camilleri, l-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul se tkun kruċjali għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.
Id-diskussjonijiet li saru bejn l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz u l-konsorzju li qed jiddefendi de Marco wasslu biex minn żewġ blokok ta’ 252 sodda u €1.5 miljun kull sena għal 10 snin, issa l-ftehim huwa ta’ 4 blokok ta’ 504 sodod li se jkunu proprjetà tal-Gvern wara tliet snin biss mill-kostruzzjoni sat-tlestija tal-proġett.
Dan il-proġett se jgħin fit-twettiq tal-wegħda elettorali tal-Gvern li jindirizza l-lista ta’ stennija għal anzjani ta’ dipendenza għolja jew pazjenti bid-dimensja li ma jifilħux jistennew aktar biex jibdew jirċievu kura f’residenza.