“Għaliex il-poplu tagħna mhux qed jismagħna.”
L-eks Viċi Kap u veteran tal-Partit Nazzjonalista, id-Deputat Mario De Marco, kellu diskors fil-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista li qed jiġi interpretat bħala messaġġ ċar lill-Kap tal-Partit.
Filwaqt li pubblikament id-diskors inftiehem mill-ewwel, internament qajjem rabja kbira.
Mario De Marco wissa kontra l-populiżmu, f’mument fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, qed ikun akkużat li qed jagħżel din it-tip ta’ politika populista, speċjalment meta jitkellem dwar il-ħaddiema barranin.
Fil-fatt, il-linja popolista wasslet biex, fil-Partit Nazzjonalista, kelliema differenti spiċċaw f’konfużjoni dwar l-istess suġġett.
U waqt li l-gazzetti wkoll taw ċamata lil Bernard Grech, Mario De Marco ma qgħadx lura.
Qal “Il-populiżmu mhijix it-triq tagħna. Nippreferi ħames snin oħra fl-Oppożizzjoni, milli ħames snin ngħix gidba”.
Fl-aħħar ġimgħat Grech ġie mċanfar għall-mod kif, biex ibeżża’ bil-ħaddiema barranin, saħansitra ta’ fatti ħżiena b’fact checker pubbliku jinnota anke l-esaġerazzjonijiet tiegħu. De Marco qal “Il-politika tagħna mhix waħda leminija.”