Il-kumpanija De La Rue ħabbret li bdiet il-bini ta’ ċentru ta’ eċċellenza f’pajjiżna, b’investiment ta’ €27 mijun. Dan l-investiment se jagħmel lil pajjiżna mexxej globali fejn tidħol l-identità tal-prodott u l-awtentifikazzjoni tiegħu. L-investiment se jmur f’xiri ta’ apparat u fil-provediment ta’ taħriġ.
Il-globalizzazzjoni, filwaqt li twassal għal tkabbir ekonomiku, twassal ukoll għal attivitajiet illeċti, speċjalment fejn jidħlu setturi bħat-tabakk u l-akoħol. Għalhekk il-bżonn ta’ awtentifikazzjoni ta’ prodotti hija ċara.
Fl-ewwel ftit xhur tal-2016, De La Rue bdiet tinvesti f’tagħmir mill-aktar avvanzat u f’teknoloġija. Din is-sena se jsir investiment ieħor ta’ €10 miljun f’aktar tagħmir u faċilitajiet. Imbagħad €4.4 miljun oħra se jkunu investiti fit-tmien xhur li ġejjin biex jinkiseb l-ogħla livell ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà fuq livell globali. Fit-18-il xahar li ġejjin, se jkunu investiti €12.6 miljun oħra.
Grupp ta’ ħaddiema Maltin bdew perjodu ta’ taħriġ ta’ għaxar xhur f’waħda mill-faċilitajiet ta’ De La Rue fir-Renju Unit. Kawża ta’ dawn il-bidliet se jkun hemm ukoll numru ta’ ħaddiema li se jitilfu l-impjieg. Diġà bdiet ħidma biex dawn ikunu mgħejnua jsibu mpjieg alteranattiv, b’uffiċjali tal-GWU kien ikkwotat jgħid fl-aħħar ġimgħat li diġa’ nstabet soluzzjoni għall-maġġoranza tal-ħaddiema.
Fl-istqarrija tal-kumpanija ntqal ukoll kif il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u l-Gvern kienu kruċjali biex permezz tal-intervent tagħhom dan l-investiment isir f’Malta.