Il-Membru Parlamentari Malti Randolph De Battista ġie maħtur bħala rapporteur ta’ rapport tal-Kunsill tal-Ewropa li janalizza u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-minoranzi fl-Ukrajna.
Hekk kif bħalissa qed titlaqqa’ l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu, il-Kumitat dwar l-Ugwaljanza u Non-Diskriminazzjoni approva b’mod unanimu n-nomina ta’ De Battista.
Ir-rapport se jkun qed jagħti ħarsa lejn l-isfidi tal-minoranzi, b’mod partikolari l-minoritajiet nazzjonali, u l-iżviluppi li seħħew wara analiżi tal-Kummissjoni Venezja.
F’kummenti li ta, De Battista stqarr li jinsab onorat li kien avviċinat mill-Kumitat biex jieħu dan l-inkarigu, u saħaq li se jkun qed jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-minoritajiet, flimkien ma’ uffiċjali Ukreni aktar tard din is-sena fi żjara bħala parti mix-xogħol fuq dan ir-rapport.