Quddiem pressjoni ma’ taqta’ xejn fil-Partit Nazzjonalista, dwar il-kandidatura ta’ Salvu Mallia, daħlet titkellem għalih Daphne Caruana Galizia.
Caruana Galizia indirizzat lil dawk li fil-Partit Nazzjonalista huma imdejqa bl-aġir ta’ Mallia u qalet li jekk il-Partit Nazzjonalista ineħħih ikun qed jispara f’saqajh.
“Let him speak,” kitbet Carauna Galizia
F’waħda mill-kitbiet tagħha għamlet argument sħiħ għaliex Mallia, li bħalha hu magħruf għall-attakki personali, għandu jingħata kull appoġġ fil-Partit Nazzjonalista.
Jidher li Caruana Galizia mhux biss kienet qed tireaġixxi għall-imejls mill-Partit Nazzjonalista żvelati mill-gazzetta KullĦadd u għall-aħbar dwar dan l-inkwiet fit-Times of Malta tat-Tnejn, iżda wkoll għal tagħrif li għandha hi. Biex jum wara ieħor qed ikun ikkonfermat kif il-ġudizzju ta’ Simon Busuttil f’dan il-każ ħoloq terremot sħiħ.
Peró lil Caruana Galizia ma damitx ma serħitilha rasha l-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech. Ta ħbieb ċemplitilha u qaltilha li l-Partit m’għandu ebda intenzjoni li tħalli lil Salvu Mallia jitlaq. Saħansitra Ann Fenech qaltilha li lanqas tridu jbiddel it-tonalità ta’ kif jitkellem jew jikteb.
L-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista dwar Salvu Mallia ilu għaddej sa minn żmien il-festi tal-Indipendenza. Iżda ħareġ fil-pubbliku l-Ħadd wara li l-gazzetta KullĦadd żvelat imejls juru li hemm min saħansitra qiegħed jhedded bir-riżenja mill-Partit Nazzjonalista jekk ma titeħidx azzjoni effettiva.
Fi kliem esponenti u attivisti tal-Partit Nazzjonalista l-kandidatura ta’ Salvu Mallia mhix tal-livell li għandu jħares lejha l-Partit Nazzjonalista.
B’Ingrid Brownrigg, eks kandidata li Lawrence Gonzi kien iddeskriva bħala Nazzjonalista dok miż-Żejtun, ukoll tesprimi tħassib fuq facebook. Hi qalet li l-Partit Nazzjonalista għandu jħares lejn il-kwalità tal-kandidati, jew in-nuqqas tagħha fil-każ ta’ Salvu Mallia.