Nhar il-Ħadd il-Partit Nazzjonalista se jmur Tas-Sliema, f’attivita maħsuba biex Simon Busuttil jiddefendi lil Daphne Caruana Galizia, li qed tiffaċja kawżi ta’ libell wara gideb fuq id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Fil-każ tagħha biss Chris Cardona għamel ukoll mandat ta’ sekwestru li l-qorti laqgħet wara analizi bir-reqqa.
Il-Ħadd li ġej Simon Busuttil kellu jmur Ħad-Dingli iżda l-klikka tal-estremisti fil-Partit Nazzjonalista qablet li tmur Tas-Sliema kif trid Daphne Caruana Galizia biex fi kliemhom “jiddefendu d-demokrazija u l-libertà.” Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu li Simon Busuttil m’għandux għażla għaliex fl-aħħar erba’ snin serraħ kemm felaħ fuq Caruana Galizia biex ikunu orkestrati attakki ma min ma jaqbilx mal-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk issa bilfors irid jiddefendiha fid-deher. Fil-fatt anke meta attakkat b’mard lil Mario de Marco, Simon Busuttil għażel li ma jikkundannax lilha minflok jiddefendi lil Viċi-Kap tiegħu. Dan anke jekk ir-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista tal-aħħar elezzjoni ġenerali jsemmiha bħala waħda mir-raġunijiet għat-telfa.