• MA TNEĦĦIEX RITRATT TA’ WLIED DEPUTAT LABURISTA
• SUPPOST TĦALLAS IKTAR MINN €7,000 F’MULTI
Daphne Caruana Galizia ilha mis-sajf li għadda tikser deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Data li kien ordna biex titgħatta l-identità ta’ iben id-Deputat Luciano Busuttil.
Kien f’Lulju tas-sena l-oħra li Caruana Galicia użat lit-tfal ta’ Luciano Busuttil biex tattakka lill-istess deputat Laburista. Dakinhar Busuttil għamel ilment mal-Kummissarju tad-Data u wara investigazzjoni tah raġun. Fil-fatt f’deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju intqal li dan kien sfukat. Minn dakinhar għaddew disa’ xhur u Caruana Galizia baqgħet ma osservatx id-deċiżjoni li ngħatat.
Mistoqsi mill-gazzetta KullĦadd il-Kummissarju tad-Data ma qalx jekk hux qiegħed jinforza l-multi li skont id-deċiżjoni tiegħu għandhom ikunu imposti fuq Caruana Galizia. Dan għaliex skont is-sentenza li ta s-sena li għaddiet, Caruana Galizia kellha tħallas €25 għal kull jum li jgħaddi u ma tkunx osservat is-sentenza.
B’hekk skont kalkolu sempliċi Caruana Galizia missa diġà ħallset madwar €7,000. Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk dawn il-multi ħarġux u għaliex ma rax li s-sentenza tiegħu tkun osservata, il-Kummissarju tad-Data qal: “B’referenza għall-email tiegħek, ninfurmak illi l-Kumimissarju, hekk kif ġie infurmat illi s-Sinjura Caruana Galizia ma segwietx mal-istruzzjonijiet tiegħu f’dan il-każ speċifiku, ser jaġixxi skont il-liġi, b’mod independenti u mingħajr indħil, bħalma titlob l-istess liġi.”
Din mhix l-ewwel darba li Caruana Galizia injorat ordnijiet ċari tal-awtoritajiet. Fost oħrajn injorat it-talba tal-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi inkjesta maġisterjali fuq talba tal-Prim Ministru biex jinvestiga l-allegazzjonijiet tagħha stess.
Din mhix l-ewwel darba li ma weġbitx lanqas għal sejħiet tal-pulizija u anke l-qrati. Quddiem dan kollu tibqa’ ssib l-appoġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, u l-magna tal-Partit Nazzjonalista.