Il-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia nstabet ħatja f’ilment mal-Kummissarju tad-Data, li qajjem id-deputat Laburista Luciano Busuttil.Fis-sentenza tiegħu l-Kummissarju għamilha ċara li l-pubblikazzjoni ta’ ritratti fejn kien identifikat iben Busuttil seta’ jkun leġittimu biss bil-permess tal-ġenituri.
Xi ħaġa li hawn ma kinetx il-każ. Il-Kummissarju tad-Data qal li saħansitra dawn ir-ritratti għandhom jitneħħew mill-blog tagħhha jew inkella jkunu emendati b’mod li t-tifel ma jkunx identifikat. Jekk ma jsirx dan, tkun immultata.
Filwaqt li Daphne Caruana Galizia għamlet l-argument li mhux sew li Busuttil, ċermen ta’ Sport Malta, wassal it-tifel bil-karozza tax-xogħol, il-Kummissarju tad-Data żied li l-pubblikazzjoni tan-number plate u r-ritratti tat-tfal ma jżidux mal-valur tal-istorja, li ma daħalx fil-mertu tagħħha.
Caruana Galizia qalet ukoll li Busuttil itella ritratti ta’ uliedu fuq facebook, iżda l-Kummissarju tad-Data qal li dan mhux argument, u li huwa dritt fundamentali li jkunu mħarsa d-drittijiet tal-familja.