Il-Band Għawdxija, DCapitals ser ikunu qed ifakkru l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħhom b’kunċert kbir fil-foss taċ-Ċittadella nhar is-Sibt 3 ta’ Awwissu 2024 fid-9.00pm.
Il-mistiedna speċjali għal dan il-kunċert li jġib l-isem: TEN. A Big Band Show huma: il-kantant Ozzy Lino, id-DJ Micimago li flimkien mal-kantanti residenti tal-band Francesca Sciberras, Gail Attard, Alexia Micallef u r-rebbieħ ta’ Kantamagħna Thomas Casha, ser ikunu qed jingħaqdu ma’ din il-Big Band taħt id-direzzjoni tas-surmast Mro George Apap, li huwa wkoll il-fundatur ta’ din il-band.
DCapitals twaqqfu f’Awwissu 2014 u tul dawn l-għaxar snin ħadu sehem f’għadd kbir ta’ kunċerti f’Għawdex u f’Malta. F’Diċembru 2016 il-band daqqet għall-ewwel darba barra minn xtutna fejn ġiet mistiendna bħala guest band fil-festival Sanremo Senior ġewwa t-Teatro dell’Opera del Casino f’Sanremo l-Italja. Fi Frar 2018 f’kollaborazzjoni mal-kantanta Taljana Aida Satta Flores, il-band daqqet f’kunċert f’Palermo, u f’Settembru tal-istess sena ħadet sehem fil-Big Band Jam ġewwa Liberec fir-Repubblika Ċeka. F’Settembru li għadda l-band daqqet ukoll ġewwa Ortezzano fl-Italja. Matul is-snin DCapitals ikkollaboraw ma’ diversi artisti rinomati lokali u anke internazzjonali fosthom Cristina Ramos, kantanta Spanjola, rebbieħa ta’ Spain’s Got Talent, La Voz tal-Messiku, u finalista ta’ America’s Got Talent (The Champions). DCapitals huma wkoll l-organizzaturi tal-festival Kantamagħna u ċ-Cittadella Arts Festival.
Id-dħul għall-kunċert: TEN. A Big Band Show huwa mingħajr ħlas. Il-kunċert qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, id-Direttorat għall-Wirt Kulturali f’Għawdex u l-Kunsill Malti għall-Arti.