L-Aġenzija internazzjonali ta’ kreditu DBRS, ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna fil-livell A high. Dan huwa l-aħjar rating li qatt ingħata pajjiżna minn din l-aġenzija, magħrufa għal kemm ma tħares lejn wiċċ ħadd.
DBRS qalet li pajjiżna baqa’ jsostni andament ekonomiku b’saħħtu ħafna bi tkabbir ta’ madwar 7% tal-prodott domestiku gross kull sena fl-aħħar seba’ snin. Dan b’kuntrast mar-rata ta’ tkabbir ta’ 2% bejn l-2004 u l-2012. Innotat ukoll li pajjiżna għamel surplus ta’ 1.5% u naqqas il-piż tad-dejn għal 42.8% matul is-sena li għaddiet.
L-esperti tad-DBRS qalu li qed jistennew li l-ekonomija Maltija se tkompli tikber b’ritmu tajjeb u li pajjiżna se jibqa’ jagħmel surplus fis-snin li ġejjin.
Dan hu dovut għal setturi bħat-turiżmu, il-gaming, is-servizzi u l-oqsma tan-negozji.
Dwar l-andament fiskali fis-snin li ġejjin, DBRS innotat li pajjiżna qed ibassar surplus ta’ 1.4% għal din is-sena filwaqt li jibqa’ jagħmel surplus ta’ iktar minn 1% sa’ minn tal-inqas sal-2022. Dan filwaqt li pajjiżna se jkompli jagħmel bosta investimenti kapitali fosthom fl-infrastruttura.
Qalet ukoll li pajjiżna se jkompli jnaqqas il-piż tad-dejn, minkejja li dan diġa huwa fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea.
L-esperti żiedu jinnutaw li b’din il-prestazzjoni pajjiżna jkun jista’ jsostni l-ekonomija jekk jinqala xi xokk mhux mistenni mingħajr ma jxekkel is-sostennibilita tad-dejn.
Tkellmet ukoll dwar is-sistema finanzjarja Maltija li qalet li hija b’saħħitha grazzi għal banek b’livelli għolja ta’ kapital, likwidità u profittabilità.
L-aġenzija internazzjonali innotat ukoll l-isforzi tal-Gvern li jsaħħaħ il-qafas legali kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terrożimu fosthom bi pjan strateġiku li jinkludi tisħiħ tas-superviżjoni finanzjarja.
Dwar il-ħatra ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru ġdid, DBRS innotat id-dikjarazzjonijiet tiegħu li se jżomm il-kontinwità fil-politika ekonomika u l-impenn li jdaħħal miżuri li jiżguraw il-governanza tajba.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li pajjiżna qed ikompli jikber ekonomikament minkejja l-kritika tal-Oppożizzjoni li tgħid li pajjiżna qed jgħix riċessjoni ekonomika “made in Malta”.