Il-grupp DB fetaħ 19-il libell kontra l-blogger Daphne Caruana Galizia.
Il-grupp qal li din ma kinitx deċiżjoni li ħadu faċilment, u li bħala entità kummerċjali kienu jippreferu li ma jieħdux din l-azzjoni. Madanakollu qalu li Daphne Caruana Galizia ma ħallitilhom ebda għażla.
Fi stqarrija, il-grupp DB spjega li Galizia attakkat u gidbet għal ġimgħat sħaħ dwar il-grupp DB u l-persuni assoċċjati mal-grupp “mingħajr ebda diċenza.”
Il-grupp qal li l-blogger Daphne Caruana Galizia tikteb daqs li kieku ma teżisti ebda liġi fid-demokrazija Ewropea biex tipproteġi ċ-ċittadini minn dan it-tip ta’ gideb.
“Hija taħseb li ċ-ċittadini m’għandhomx igawdu minn dawn il-liġijiet li jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħna,” spjega d-DB group.
L-istqarrija temmet tgħid li l-flus li se jirbħu minn dawn il-kawżi ta’ libell se jkunu qed imorru għall-karità.