Il-Gvern se jkun qed jiftaħ numru ta’ day care centres fil-Kottonera biex, matul il-ġurnata, jakkomoda lil dawk l-anzjani li bħalissa huma residenti fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla.
Dawn ir-residenti se jkollhom jiġu rilokati lejn residenzi oħrajn tal-għażla tagħhom sabiex isir xogħol mill-qiegħ fid-Dar ta’ Bormla, bil-għan li jkollhom ambjent dinjutuż u bla periklu.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjanità Attivita, Jo Etienne Abela, waqt li kien qed jieħu sehem fi programm ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon nazzjonali.
“Li qed nikkommettu ruħna hu li, ġewwa l-Kottonera, fil-ġranet li ġejjin se niżviluppaw day care centres, u aħna se nieħdu ħsieb it-trasport għal min joħroġ minn din id-dar – min irid imur kuljum ġod-day centres ġewwa l-Kottonera, se nagħmlu dan possibbli.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Huwa qal li dwar dan saret diskussjoni mas-sindki tal-lokalitajiet tal-Kottonera. L-għan huwa li dawn l-anzjani xorta waħda jibqgħu jżommu kuntatt mal-ibliet fejn għexu l-maġġoranza ta’ ħajjithom.
Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Il-Ministru Abela tkellem dwar kif qed isir l-almu kollu mill-Gvern biex ir-residenti jibqgħu fin-nofsinhar tal-pajjiż, iżda d-deċiżjoni dwar fejn se jmorru qed tkun ibbażata fuq fejn qed jagħżlu dawn ir-residenti nfushom.
Dwar id-Dar tal-anzjani f’Bormla, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li din mhijiex konformi mal-istandards, kif ikkonkludew żewġ rapporti minn esperti.
Waqt dan il-programm, il-Ministru Abela qal ukoll li min se jieħu l-kuntratt għall-bini mill-ġdid tad-Dar ta’ Bormla se jkollu wkoll ir-responsabbiltà għall-manutenzjoini tal-istess Dar.
“Min jidħol għal dak it-tender jintrabat li dik l-art hija tal-Gvern, imma din id-dar li hemm bħalissa tiġi mwaqqa’ kollha kemm hi, design, jibniha, jopera, imbagħad jagħmel il-maintenance hu.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru Jo Etienne Abela ħabbar ukoll li, fl-aħħar sena, il-Gvern wettaq nofs il-miżuri tal-manifest Malta Flimkien li jitratta l-qasam tal-anzjanità attiva. Fost dawn il-wegħdiet hemm li jiġu rrinnovati d-djar tal-anzjani, fosthom dik f’Bormla.