Il-Ħamis, l-Awtorità għall-Ippjanar approvat żvilupp ta’ torri għoli 38 sular f’tas-Sliema. Torri li se jinbena fi żmien erba’ snin bl-involviment ta’ esperti internazzjonali.
Flimkien mad-direttur ta’ Town Square Sliema Ltd, Mark Soler, tajna ħarsa lejn il-pjanijiet ta’ dan il-proġett.
Fi żmien erba’ snin, f’ tas-Sliema se jiddomina torri ta’ tmienja u tletin sular imdawwar bi spazju miftuħ u żona kummerċjali ta’ ditti esklussivi. Proġett li se jsir b’ investiment ta’ madwar €120 miljun.
Town Square Sliema Ltd, il-Ħamis ingħatat l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tibda bl-iżvilupp. Dan fost kontroversja u l-oppożizzjoni ta’ għaqdiet ambjentali u Slimiżi. Anke l-vot fil-MEPA kien wieħed maqsub.
Iltqajna mad-direttur Mark Soler u miegħu tajna ħarsa lejn il-pjanti tal-proġett.