Maż-żernieq vetturi antiki bil-pjanċi suwed kienu fi triqthom lejn it-Torri ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk għal dawra mal-kosta ta’ Malta.
Kważi mitejn karozza klassika pparteċipaw f’din l-attività ta’ tlieta u ħamsin kilometru, biex b’donazzjoni żgħira minn kull karozza li tieħu sehem, jinġabru fondi għall-Malta Comunity Chest Fund.
Fost l-organizzaturi li taw l-kontribuzzjoni tagħhom kienu l-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki u l-Federazzjoni Maltija Sport Karozzi.
Kien hemm ukoll l-awtoritajiet tat-traffiku biex jidderiġu bl-aktar mod sigur possibli, kif spjega l-organizzatur John Bundy.
“L-ewwel skop huwa li jinġabru fondi għall-Community Chest fund. Bħal ma jaf kulħadd mhux ħa noqgħod nidħol fil-mertu tal-pandemija. Tatna daqqa ta’ ponn mhux ħażin il-pandemija però l-bżonnijiet baqgħu hemm u allura ddeċidejna li nagħmlu din l-attività. Qed ngħamluha għaliex fil-vetturi m’għandekx nies li jinġemgħu ma’ xulxin, kulħadd qiegħed mal-vettura tiegħu, qed inżommu mar-regoli tad-dipartiment tas-saħħa u allura hemmhekk moħħna mistrieħ. It-tieni skop huwa li ngħatu l-opportunità lil dawk dilletanti tal-karozzi f’Malta li joħorġu dawra ma’ Malta mingħajr xkiel.”
Il-President ta’ Malta George Vella kien preżenti għall-attività, u spjega kif attivitajiet bħal dawn huma utli biex jxerrdu l-messaġġ ta’ bżonn li ngħinu l-Community Chest Fund.
“Jiena l-ewwel nett nirringrazzjahom li ħa jipparteċipaw u ħarġu, hawn numru enormi ta’ karozzi jiġifieri qas kont qed nistenna daqsekk. B’dik diġa qegħdin jgħinu l-kawża għaliex qed twassal messaġġ viżiv. Però ovjament da kulħadd jaf illi dan mhux nagħmluh b’kapriċċ, veru hawn min hu delletant u jiġu pjaċir b’avvenimenti bħal dawn però l-iskop prinċipali ovjament huwa biex niġbru fondi għall-Community Chest Fund.”