Fis-26 jum tal-kampanja elettorali l-Mexxej Laburista fil-messaġġ tiegħu fuq facebook qal li l-aħbar li ħarġet li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena pajjiżna baqa’ jagħmel surplus turi li din ma kinitx xi ħaġa ta’ darba fl-2016 u li dan huwa l-aqwa riżultat li qatt kiseb pajjiżna f’dan il-perjodu fl-istorja tiegħu.
Joseph Muscat irreaġixxa għall-aħbar li pajjiżna għamel €21 miljun surplus fil-fond konsolidat fl-ewwel erba’ xhur tas-sena.
Dan qal Muscat juri l-kompetenza ta’ Gvern Laburista, fit-tmexxija ta’ ekonomija li qed turi riżultati, riżultati li se jibqgħu magħna jekk il-pajjiż iżomm l-istess direzzjoni.
Hawnhekk, għamel referenza għall-kredenzjali tal-koalizzjoni ta’ konfużjoni fi tmexxija tal-ekonomija, kredenzjali li fi kliem il-Mexxej Laburista l-koalizzjoni m’għandiex.
“Minn naħa tagħna, bit-tim tagħna se nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet li ġabu l-aqwa riżultati. Riżultati li se jkunu saħansitra aħjar.”