Lee Bugeja Bartolo, kandidat Nazzjonalista fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew is-sena l-oħra, ċanfar l-aġir estrem tal-Partit tiegħu stess wara li, fil-bidu tal-ġimgħa ħareġ ’il barra mill-Parlament f’seduti li ddiskutew il-mozzjoni mressqa mill-Gvern b’solidarjetà mal-Ispeaker u tiddeplora l-aġir tad-Deputat Karol Aquilina.
F’kitba fuq il-midja soċjali tiegħu, Bugeja Bartolo ddeskriva tali attitudni bħala melodrammi u qal li dan iridu jieqfu, għax qed inaffru lin-nies. Tenna li l-poplu u l-elettorat ta sinjali ċari li qed jixba’ minn ċertu aġir u, minħabba f’hekk, mhux se jaħsibha darbtejn biex ma jivvotax.
Fil-kumment li għamel, b’reazzjoni għal artiklu tat-Times dwar kif il-Partit Nazzjonalista ħareġ ’il barra mill-ogħla istituzzjoni bi protesta, l-eks kandidat Nazzjonalista tenna li l-politiċi għandhom ibaxxu t-temperatura u jiffokaw aktar fuq suġġetti u proposti li jolqtu l-ħajja tan-nies. Inkella wissa li jekk ma jsirx hekk, il-poplu se jitfi s-switch minnufih.
Din l-azzjoni tal-Oppożizzjoni, li ma tiħux sehem fid-dibattitu fuq il-mozzjoni, kienet ilha ppjanata, kif żvela ONE News minn sigħat qabel, biex ma joħroġx fid-deher id-diżgwid intern b’deputati li ma ridux juru l-appoġġ tagħhom lil Karol Aquilina u lanqas riedu jidhru li qed joħorġu kontrih fil-beraħ.