“Dawn huma l-affarijiet li jżommuna ħajjin.” Hekk stqarret magħna anzjana f’San Vinċenz de Paul li ltqajna magħha s-Sibt filgħodu meta kienu qed isiru diversi attivitajiet li jistimulaw il-moħħ.
Din bħala parti minn inizjattiva li bdiet dan ix-xahar mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mind Sports, biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali tal-anzjani.
Tkellimna mal-President ta’ din l-Assoċjazzjoni, Oliver Said, li spjega l-logħob li qed isir mal-anzjani f’San Vinċenz.
Qal, “Aħna nagħmlu sitt logħbiet differenti. Għandna chess, drafts, backgammon, sudoku, mastermind u bridge. Niġu hawnhekk darbtejn f’xahar, dejjem niġu ward differenti, naraw liem ikunu l-plejers li kapaċi jikkompetu u fl-aħħar ngħaqqduhom flimkien biex jagmħlu kompetizzjoni.”
Smajna mingħand l-anzjani nfushom għaliex qed jieħdu pjaċir b’dawn l-attivitajiet.
Tkellimna wkoll ma’ Lorraine Farrugia, il-Manager li tieħu ħsieb l-attivitajiet li jżommu lill-anzjani attivi f’San Vinċenz.
Qalet, “Ħassejna li jkun tajjeb għal dawn ir-residenti biex iħaddmu moħħhom u b’hekk jogħla l-IQ ta’ dawn ir-residenti wkoll biex jiksru mir-rutina ta’ kuljum u jkollhom ċans li jħabblu iktar moħħhom u b’hekk minbarra s-saħħa, qed nieħdu ħsieb ukoll is-saħħa mentali.”
Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-anzjani kienu għatxana biex jerġgħu jissoċjalizzaw wara sentejn ta’ pandemija, li laqtet lil kulħadd iżda b’mod speċjali lilhom għaliex huma fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
L-għan tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mind Sports huwa li dawn l-attivitajiet jinfirxu f’aktar djar tal-anzjani f’pajjiżna.
Dan speċjalment wara r-rispons qawwi pożittiv li qed jirċievu mill-anzjani f’San Vinċenz.
Waħda minnhom kellha dan il-messaġġ għat-tim tal-organizzazzjoni.
Qalet, “Keep it up biex nibqgħu sejrin tajjeb għax aħna dawn huma l-affarijiet li jżommuna ħajjin, biex ngħid hekk, anki li nagħmluha mal-oħrajn, nitkellmu, nisimgħu l-esperjenzi ta’ xulxin, dejjem tajjeb.”