Minn hawn u ftit xhur oħra l-faċċata tal-kolleġjata Bażilika ta’ Sant’Elena se tkun qed tieħu dehra ġdida b’dawl ġdid.
Dan id-dawl b’investiment ta’ iktar minn erba’ mitt elf ewro fil-qalba ta’ Birkirkara se jkun qed jinxtegħel kull filgħaxija.
F’konferenza tal-aħbarijiet fuq iz-zuntier tal-knisja, il-Monsinjur Dun Louis Suban spjega li matul is-snin bdew jaraw li l-faċċata kellha bżonn dawl ġdid li jmur pari passu maż-żminijiet tal-lum.
Fil-fatt is-sistema tad-dawl li se jintuża hija waħda iktar effiċjenti u sostennibli.
“Għidna mhux nagħmlu l-istess li kien hawn imma xi ħaġa li hija aktar moderna, iktar tixraq għaż-żminijiet tal-lum u li tkun hybrid jiġiferi tinxtegħel b’mod tradizzjonali fil-festa u tinxtegħel fl-adjata matul is-sena kollha biex tkun tista’ titgawda dawra tond mill-pubbliku.”
Intant ic-Chairman tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia tenna li dan l-investiment se jkun qed joħloq żewġ destinazzjonijiet f’waħda għaliex mhux biss li t-turisti jistgħu jgawdu din il-Bażilika bi storja rikka li tmur lura għas-seklu tmintax, però issa anka filgħaxija kull min jasal wasla sa Birkirkara se jkun jista’ jgawdi l-arkitettura tagħha iktar b’reqqa.
“L-awtorità Maltija tat-Turiżmu se tkun verament qiegħda toħloq żewġ destinazzjonijiet għall-istess prodott. Dan għaliex għandek destinazzjoni ta’ matul il-ġurnata fejn wieħed jista’ jara u japrezza l-aspetti arkitettoniċi tal-faċċata tal-knisja però filgħaxija bl-installazjoni tad-dawl dawk l-aspetti se jkunu aktar enfasizzati.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li dan huwa proġett li jixraq lil din il-bażilika u lil Birkirkara biex f’dan ir-raħal ukoll nibdew nattiraw aktar turisti u turiżmu aktar sostennibli.
“Filwaqt li qed ninvestu f’lokalitajiet li huma tradizzjonalment turistiċi mill-banda l-oħra qed ninvestu f’lokalitajiet oħra li rriduhom huma wkoll jibdew igawdu mill-ġid li qed jinħoloq mit-turiżmu u t-turiżmu reliġjuż huwa niċċa partikolari ħafna li qed tgħin lil pajjiżna jkompli jattira turisti anka matul ix-xhur tax-xitwa.”