Is-sena l-oħra, in-numru ta’ persuni li qagħdu fil-lukandi jew f’postijiet ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi żdiedu meta mqabbel mal-elfejn u dsatax, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn irriżulta li kien hemm żieda ta’ kważi mitejn u tletin elf persuna, f’dan il-perjodu ta’ erba’ snin.
Jirriżulta li, s-sena l-oħra, it-total ta’ persuni li qagħdu fil-lukandi jew f’postijiet ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi kienu jammonta għal aktar minn żewġ miljuni u mitejn u ħamsin elf. Dan filwaqt li fl-elfejn u dsatax, ir-rata kienet ta’ aktar minn żewġ miljun persuna.
Minbarra hekk, is-sena l-oħra kien hemm żieda fil-persuni li qagħdu f’lukandi ta’ ħames, erbgħa u tliet stilel, meta mqabbel mal-elfejn u dsatax.
Is-sena l-oħra, kważi erba’ mija u tletin elf persuna qagħdu f’lukandi ta’ ħames stilel. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn tmienja u tmenin elf, meta mqabbel mal-2019.
Is-sena l-oħra, aktar minn miljun persuna qagħdu f’lukandi ta’ erba’ stilel, biex kien hemm żieda ta’ kważi disgħin elf persuna, meta mqabbel ma’ sena qabel il-pandemija.
Dan filwaqt li f’lukandi ta’ tliet stilel kien hemm żieda ta’ kważi tletin elf persuna li alloġġjat is-sena l-oħra, meta dawn b’kollox esperjenzaw aktar minn ħames mija u ħamsa u għoxrin elf persuna.
Min-naħa l-oħra, is-sena l-oħra, il-lukandi ta’ żewġ stilel raw nuqqas fil-persuni li qagħdu fihom.
Din iż-żieda fl-akkomodazzjonijiet turistiċi hi attribwitta wkoll mar-rekord ta’ turisti li ġew f’pajjiżna s-sena l-oħra, fejn anke l-infieq tagħhom żdied.
B’dan juri li pajjiżna mhux talli rkupra mid-daqqa tal-pandemija, iżda għandu riżultati aqwa minn ta’ qabel il-pandemija, waqt li wkoll tjiebet il-kwalità tal-akkomodazzjonijiet li qed jintagħżlu.