Fl-aħħar għaxar snin, bejn l-2012, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista, u l-2022, f’pajjiżna kien hemm tnaqqis sinifikanti ta’ 5% fost il-persuni li ma jifilħux jixtru biex imqar ikollhom platt tal-ikel wieħed fil-ġurnata.
Irrappurtat dan il-gazzetta KullĦadd, fejn intqal li dan it-tnaqqis sinifikanti seħħ minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni u minkejja l-isfidi bla preċedent mill-2020 ’l hawn li tefgħu lil ħafna pajjiżi għarkupptejhom.
Studju li ħareġ mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, jgħid kif sa tmiem is-sena li għaddiet mill-popolazzjoni sħiħa Maltija kienu biss 7.5% li ma jaffordjawx li jkollhom platt tal-ikel fuq il-mejda, waqt li l-medja fost is-27 pajjiż Ewropew kienet ta’ 8.3%.
Għaxar snin qabel, f’Malta kien hawn aktar minn 13% li ma jaffordjawx ikla. Ir-rata li kellha Malta fi żmien GonziPN kienet ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ ftit aktar minn 11%.
Dan ifisser li f’għaxar snin taħt Gvernijiet Laburisti kien hawn tnaqqis ta’ aktar minn 5% fost il-popolazzjoni li ma taffordjax l-ikel f’kull ħin tal-ġurnata mqabbel mal-2012, anke jekk il-popolazzjoni minn dakinhar żdiedet b’madwar 100,000 persuna.
Ta’ min jinnota wkoll li r-rata ta’ dan il-faqar estrem f’pajjiżna kienet inqas minn stati membri Ewropej ferm akbar u b’ekonomiji enormi ħdejn tagħna, fosthom il-Ġermanja u Franza, li skont il-Eurostat għandhom 11.4% u 9.5% rispettivament tal-popolazzjonijiet tagħhom li ma jifilħux iħallsu għall-ikel ta’ kuljum.
Ta’ min jinnota wkoll li, fl aħħar snin, il-Eurostat biddel il-mod ta’ kif isir il-kejl ta’ dawk li jinsabu fir-riskju ta’ faqar, għal kejl aktar riġoruż, meta mqabbel ma’ kif kien isir fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti.
Dan hu wkoll kompletament bil-maqlub ta’ dak li tiddikjara l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, inkluż mid-deputat Ivan Bartolo, u l-Kap innifsu, Bernard Grech, li kontinwament jipprovaw ibellgħuha li l-faqar sploda fl-aħħar għaxar snin.