Dawk li kissru l-Partit Nazzjonalista għandhom jassumu tort għal din it-telfa.
Dan qalu Andrè Grech, eks Kunsillier Nazzjonalista u sostenitur ta’ Adrian Delia, f’kummenti fuq Facebook ftit tas-sigħat biss wara t-tħabbira ta’ rebħa elettorali kbira għall-Partit Laburista.
Grech qal dan waqt li kien qed jikkumenta fuq numru ta’ reazzjonijiet għal ritratt li ġie ppubblikat fuq Facebook ta’ nagħma b’rasu mgħaddsa fir-ramel.
Huwa rrimarka li dan huwa l-istess ritratt li kienu jtellgħu l-Blue Heroes f’kull l-ewwel Ħadd tax-xahar mal-pubblikazzjoni tas-sondaġġi fuq il-gazzetti bħala botta lejn l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Grech ma kienx waħdu fil-kritika lejn it-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista. F’kitba ħarxa fil-konfront tal-Kap Bernard Grech, l-eks Sindku Nazzjonalista Samuel Azzoppardi ma ġabhiex bi tqila sabiex jattakka lil Bernard Grech talli fil-kumment li ta waqt li kien qed jikkonċedi t-telfa sostna li ma kienx il-ħsieb tiegħu li jirriżenja minn Kap Nazzjonalista.
Hawnhekk Azzopardi kien skjett fejn sostna li għalkemm il-Kap waħdu, mhux it-tort assolut tat-telfa, huwa għandu jagħmel bħal ta’ qablu u jwarrab b’mod dinjituż.
Persuna oħra mill-kamp Nazzjonalista li ma niżlitlu xejn sew l-istrateġija ta’ Bernard Grech huwa Hermann Farrugia.
Farrugia, li huwa tabib u li sa ftit tax-xhur ilu kien involut sew fil-Partit Nazzjonalista talab għar-riżenja tal-istrateġista ta’ Bernard Grech, Martina Caruana li fl kliemu ostriċiżżatu u qalftitu ‘l barra mill-Partit. Intant, fuq Twitter, l-avukat ta’ Repubblika u ħabib tal-Blue Heroes Andrew Borg Cardona sostna li l-elettorat Malti kien u se jibqa Ġaħan.