Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li dawk it-talin li jridu jneħħu lil Jason Micallef u lill-Arċisqof Charles Scicluna minn posthom għadhom ftit lura mit-tgawdija tal-benna tal-valuri Ewropej. Dr Sant kien qed jikkummenta fuq is-sejħiet li qed isiru biex Jason Micallef jirreżenja minn Chairman ta’ Valletta 18 wara kummenti li għamel dwar Daphne Caruana Galizia.
“B’kull apoloġija lil Salman Rushdie u dawk kollha li qattgħu sigħat jiflu l-kitbiet ta’ Jason Micallef, biex imbagħad jikkundannawhom, ma fhimt xejn mill-għaġeb li għamlu. Micallef fisser fehmiet li tista’ taqbel magħhom jew le, imma ma qal xejn ta’ barra minn hawn.
Min sab l-istil tiegħu offensiv għadu ma qarax dak li jgħidilna regolarment kontributur “imgħallem” tat-“Times” dwar il-kitbiet tas-sinjura Caruana Galizia. Hu għallimna kif id-diskors tagħha xejn ma jista’ jitqies skabruż, indinjituż, ta’ theddid jew mibegħda, fil-kuntest ta’ kif fid-dinja tal-lum, stilisti moderni jesprimu ruħhom, anke b’sens ta’ esaġerazzjoni. Imkien Micallef ma resaq qrib il-mudell ta’ Caruana Galizia fil-mod kif tesprimi ruħek “bil-qawwi”.” Qal Alfred Sant.
“Jekk imbagħad l-ilment hu li Micallef għandu funzjoni publika u jmissu joqgħod attent dwar xi jgħid, l-istess ħaġa jew aktar tgħodd għall-Arċisqof Scicluna, li ma joqgħodx lura milli jgħid tiegħu. Ironikament, x’aktarx li huma t-talin li jridu jneħħu lil Micallef u Scicluna minn posthom li għadhom ftit lura mit-tgawdija tal-benna tal-valuri “Ewropej” “, qal Sant.