Minn nhar il-Ġimgħa ħa jkunu qed jinfetħu r-reġistrazzjonijiet għat-tilqima tal-vaċċin kontra l-Covid-19 għall-persuni li jgħoddu 40 sena jew iktar.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-Gvern hekk kif elenka ċifri b’saħħithom ta’ tilqim tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Fil-fatt spjega kif tlaqqmu aktar minn 90% ta’ dawk li għandhom 70 sena jew aktar u tlaqqmu kważi wkoll 90% ta’ dawk li għandhom 60 sena jew aktar.
Tlaqqmu anke aktar minn 60% ta’ dawk li għalqu 50 sena jew aktar.
Id-Deputat Prim Ministru qal, “Għax mexjin b’din ir-rata daqstant tajjeb illum nista’ nħabbar li minn pit għada minn nhar il-Ġimgħa ħa nkunu qed niftħu r-reġistrazzjoni għal persuni ta’ 40 sena u fuqhom. Jiġifieri issa minn pitgħada se nkunu qed nilqgħu reġistrazzjoni ta’ persuni li għandhom 40 sena u fuqhom.”
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna wkoll li ftit tal-ħin ilu, Malta flimkien pajjiżi oħra Ewropej, fetħu kawża fil-konfront tal-kumpanija AstraZeneca li mhux tonora l-obbligi tagħha b’rabta mal-produzzjoni tal-vaċċin.
Madankollu, Chris Fearne sostna li Malta għandha biżżejjed dożi tal-vaċċin biex ir-rata ta’ tilqim tibqa’ għaddejja b’mod b’saħħtu.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li issa pajjiżna jista’ jibda juża r-raba’ tilqima, dik tal-Johnson and Johnson.
Huwa sostna: “Fuq rakkomandazzjoni tal-EMA għandna r-raba’ tilqima li hija l-Johnson and Johnson li mil-lum stess il-kumpanija tagħtna l-permess li nistgħu nibdew nużawha fuq ir-residenti u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Id-Deputat Prim Ministru rrimarka wkoll li kif pjanat, minn nhar it-Tnejn li ġej jistgħu jerġgħu jibdew jingħataw servizzi mhux essenzjali u ħwienet mhux meqjusa essenzjali.
Dan filwaqt li l-persuni li jistgħu jiltaqgħu flimkien barra se jitla’ għal erbgħa minn tnejn.
Fl-istess dar jista’ jkun hemm persuni minn erbat idjar differenti.
Id-Deputat Prim Ministru sostna wkoll li dan issa jista’ jsir għaliex in-numri ta’ infezzjonijiet fl-aħħar sigħat u jiem baqgħu baxxi madankollu xorta baqa’ jappella għall-kawtela.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll kif f’Malta hawn tliet każijiet tal-varjant Brażiljan.
Dwar dak imsejjaħ bħala l-passaport tal-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru ħabbar li fl-aħħar jiem il-Kabinett approva l-leġiżlazzjoni fuq dan iċ-ċertifikat.
Propju wara laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi laqa’ l-approvazzjoni tal-Kunsill dwar dan il-passaport tal-vaċċin li se jiffaċilità l-moviment ħieles.
Id-Deputat Prim Ministru tenna: “Din il-ġimgħa fassalna u ġiet approvata l-leġiżlazzjoni li ħa jkollna wara l-vaccine certificate u li ġiet approvata mill-Kabinett u fil-ġranet li ġejjin se tiġi ppublikata. Dan ifisser li ħa nkunu f’pożizzjoni li noħorġu dawn il-vaccine certificates u nagħrfu vaccine certificates ta’ pajjiżi oħra li jkollna ftehim magħhom biex Maltin li jkunu mlaqqmin, ikunu jistgħu jsiefru b’inqas ristrezzjonijiet u barranin li jkunu jridu jiġu Malta bħala turisti jkunu jistgħu jiġu Malta b’mod sigur għas-soċjetà imma li sadanittant jippermetti li l-ekonomija tagħna u l-ħajja kulturali tagħna terġa’ tibda tiftaħ.”