Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li, f’Diċembru li għadda, ir-rata ta’ dawk b’impjieg full-time żdiedet b’4.2 fil-mija filwaqt li dawk li għandhom impjieg part-time żdiedu b’9.9 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena 2020.
Iċ-ċifri tal-NSO juru kif l-akbar żieda f’impjiegi full-time kienet fis-settur tal-akkomodazzjoni u tas-servizzi tal-ikel. Hawnhekk kien hawn żieda ta’ 1,404 persuna jaħdmu.
It-tieni l-akbar żieda ta’ nies jaħdmu b’impjieg full-time kienet fis-settur tal-kostruzzjoni, fejn żdiedu b’1,276 ruħ jaħdmu f’dan is-settur.
Ix-xogħol full-time fis-settur privat żdied b’9,049 persuna għal total ta’ 191,728 persuna. Minn naħa l-oħra, fis-settur pubbliku kien hemm żieda inqas minn dik li ġiet irreġistrata fis-settur privat. Iż-żieda fis-settur pubbliku kienet ta’ 703 persuna, għal total ta’ 51,486 persuna.
In-numru ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fuq bażi full-time ukoll żdied f’Diċembru li għadda, u għamel dan b’1,080 meta kkumparat ma’ Diċembru tal-2020 filwaqt li n-numru ta’ persuni rreġistrati bħala ħaddiema żdied b’8,672.
Ir-rata tal-irġiel li sabu impjieg full-time żdiedet bi 3.8 fil-mija filwaqt li r-rata ta’ nisa żdiedet b’4.8 fil-mija, meta mqabbel mal-2020.
Intant, fiċ-ċifri li ppubblika, l-NSO inkluda wkoll statistika b’rabta ma’ dawk li jaħdmu fuq bażi part-time.
Filwaqt li ġie nnutat li r-rata ta’ persuni jaħdmu part-time żdiedet b’9.9 fil-mija f’Diċembru li għadda meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, żdiedu wkoll dawk li għandhom xogħol primarju fuq bażi part-time. Hawn kien hawn żieda ta’ 6 fil-mija, jew ta’ 33,307 persuna.
L-NSO irrimarka wkoll li l-akbar żieda f’impjiegi part-time kienet fis-settur professjonali tax-xjenza u attivitajiet tekniċi, b’997 ruħ, u mill-ġdid fis-settur tal-akkomodazzjoni u tas-servizzi tal-ikel, b’aktar minn 811-il persuna.
In-numru ta’ persuni b’impjieg part-time li għandhom impjieg full-time fl-istess ħin ammonta għal 36,279 ruħ. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 13.9 fil-mija fuq l-istess perjodu fl-2020.