Mal-2,500 persuna li jaħdmu fis-settur tal-propjetà ser ikunu obbligati joperaw biss permezz ta’ liċenzja li bilfors trid tinkiseb sa Diċembru tal-2021.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-artijiet u l-kostruzzjoni Chris Agius waqt konferenza tal-Gvern bit-tema Għada Aħjar.
Dan wara li l-Kumitat tal-abbozzi tal-Kamra tad-Deputati approva att li ser ikun qed jirregola s-settur tal-propjetà.
Fil-fatt is-Segretarju Parlamentari Agius spjega li fi ftit jiem ser tkun qed tidħol din il-liġi ġdida fis-seħħ.
Liġi li tobbliga lill-aġenti jew konsulenti tal-propjetà u sensara fost oħrajn sabiex jipparteċipaw f’kors qasir biex b’hekk jingħataw din il-liċenzja.
Liema korsis għandhom kwalifiċi ta’ 12 jew 8 ECTS għal-livell 4 u li huwa magħmul b’konsultazzjoni mal-MCAST. Apparti l-MCAST li ser tkun qed toffri dan il-kors, istituzzjonijiet akkredidati wkoll mistenniha joffruh fiż-żmien li ġej.
“Liċenzja hija valida għal 5 snin u f’dan il-perjodu tal-5 snin hemm numru ta’ rekwisiti li jridu jintlaħqu. Wara 5 snin persuna titlob sabiex tiġġedded il-liċenzja tagħha. Jekk ikun għamel dak li huwa mitlub mill-bord il-liċenzja tiġi mġedda.”
Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega kif min jinqabad jopera mingħajr din il-liċenzja se jkun qed jiġi mmultat.
“Kull persuna li tinqabad taħdem mingħajr liċenzja valida hemm multi kbar. Multi li jwasslu sa €20,000 li jien nittama li għalhekk ingħatat din il-possibiltà li kull persuna li taħdem fis-settur ikollha liċenzja valida saż-żmien mitlub.”
Persuni li jbiegħu 2 propjetajiet f’sena jew inqas mhux ser ikunu mitluba jġibu din il-liċenzja.
Waqt il-konferenza intqal kif dan is-settur huwa wieħed li jirrikjedi responsabbiltà minn dawk kollha li jaħdmu fih hekk kif ħafna xerrejja li ser ikunu qed jagħmlu l-pass importanti ta’ xiri tal-propjetà għandhom id-dritt li jingħataw il-pariri siewja kollha mingħajr intoppi jew nuqqasijiet.